Chris Cardona jibqa’ jiċħad li kien involut fl-assassinju ta’ Daphne

Luke Zerafa

Read in English.

Filwaqt li ċaħad xhieda fil-Qorti li hu involut fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-eks Ministru Chris Cardona qal lit-Times of Malta li mhux minnu li l-ħajja politika tiegħu ġiet fi tmiemha meta ismu ssemma fl-investigazzjoni tal-assassinju.

F’Novembru 2019, kien Newsbook.com.mt l-ewwel li żvela li Dr Chris Cardona kien qed jiġi interrogat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fost l-oħrajn dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia u dwar dak li żvelat l-istess ġurnalista, li kienet allegat li Cardona kien fil-burdell Acapulco fil-Ġermanja meta suppost kien waqt xogħol.

Dak iż-żmien Cardona kien Ministru għall-Ekonomija, u wara li ħareġ fil-midja li huwa kien ġie interrogat, hu ssospenda lilu nnifsu minn Ministru għal xi żmien.

L-eks Ministru, li għadu jokkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, anke wara li rreżenja mill-Parlament ix-xahar li għadda, ċaħad li hu kellu xi involviment fl-assassinju tal-ġurnalista, avolja fil-Qorti ssemma li n-numru tiegħu kien fuq burner phone li nstab fil-baħar qrib it-tinda tal-patata fil-Marsa. F’din it-tinda kienu jiltaqgħu l-aħwa Degiorgio, li huma akkużati bil-qtil tal-ġurnalista. Apparti dan, Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju, kien għadda ittra lill-Pulizija li fiha kien hemm miktub li Cardona ħallas għall-assassinju. Cardona mill-bidu sostna li dan kien frame-up, u għadu jtenni dan sal-lum.

Fl-intervista mat-Times of Malta, Cardona qal li s’issa għad ma kienx hemm evidenza propja kontrih, imma allegazzjonijiet biss. Insista li mhuwiex minnu li n-numru tiegħu nstab imniżżel bħala kuntatt fuq burner phone, peress li kieku, skontu, il-pulizija kienu jistaqsuh dwar dan. Madankollu jifhem għaliex il-pulizija bagħtu għalih, u li kieku hu kien qed jinvestiga l-każ, kien jinterroga lilu nnifsu wkoll. Jifhem ukoll, qal Cardona, li li kieku n-numru tiegħu verament kien fuq dan il-mowbajl, dan jirrifletti ħażin ħafna fuqu.

“Melvin Theuma jrid joqgħod attent li jgħid il-verità”

Dwar l-aħwa Degiorgio, Cardona qal li jafhom permezz tal-professjoni tiegħu ta’ avukat, iżda ċaħad li qatt iltaqa’ magħhom f’xi sitwazzjoni soċjali. B’ton ta’ twissija, Dr Cardona qal li Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, irid joqgħod attent ħafna x’jgħid fil-qorti, peress li hu mhuwiex xhud komuni, imma xhud tal-istat, ladarba ngħata l-maħfra presidenzjali biex jgħid kulma jaf. Cardona fakkar li jekk Theuma jinqabad jigdeb, tista’ titteħidlu l-maħfra presidenzjali.

Il-ġimgħa li għaddiet fil-qorti ġie allegat li Tony l-Bigli kien tqabbad jgħaddi l-flus minn Cardona lill-qattiela tal-ġurnalista. Dr Cardona ċaħad dan għalkollox, u qal li ltaqa’ ma’ Tony l-Bigli meta kien jaħdem fil-qorti, peress li dan kien pulizija, u eventwalment saru ħbieb. Huwa spjega lill-ġurnalist li dan kollu huwa parti mill-pjan kontrih, sabiex huwa jispiċċa jeħel bl-assassinju kollu. Fil-fehma ta’ Cardona, ikun aktar faċli li jwaħħlu f’xi ħadd li huwa kompletament aljen għall-istorja. Minkejja dan, mistoqsi jekk jafx min hu wara l-frame-up, Cardona ma semmiex ismijiet.

“Ma nemminx li Keith Schembri jasal għal hekk”

Id-Deputat Mexxej qal li ma jaħsibx li Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, jasal ikun wara frame-up bħal dan. Stqarr li hu u Schembri ġieli ddiskutew lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qabel mewtha, peress li din kienet waħda mill-akbar antagonisti tal-Gvern.

Cardona rrakkonta kif f’laqgħa tal-Kabinett li damet sejra sa tard billejl fi tmiem l-2019, membri oħra tal-Kabinett bdew iwissuh dwar din l-ittra li timplika lilu fl-assassinju. Yorgen Fenech allega li l-ittra għaddihielu Keith Schembri, peress li Fenech u Schembri kienu ħbieb kbar.

“Daphne kienet pedament tad-demokrazija”

Mistoqsi fuq il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, huwa qal li fl-aħħar snin ta’ ħajjitha hija “bdiet tfajjar bl-addoċċ” għaliex kellha aġenda. Semma kif baqa’ miblugħ meta sar jaf li l-ġurnalista nqatlet. Għalkemm iħoss li weġġgħet lil ħafna nies b’dak li kitbet, Dr Cardona sostna li hija kienet waħda mill-pedamenti tad-demokrazija f’Malta.

Dr Chris Cardona temm l-intervista billi qal li r-raġuni tiegħu biex jirtira mill-Parlament kienet għaliex jemmen li waslet id-data ta’ skadenza tiegħu, u mhux minħabba r-rabta allegata tiegħu fl-assassinju tal-ġurnalista. Semma kif il-quċċata tiegħu fil-politika ntlaħqet ma’ Joseph Muscat, u l-karriera ntemmet, ukoll, ma’ ta’ Joseph Muscat, għalkemm dan għadu membru parlamentari.

F’Jannar, meta Robert Abela laħaq Prim Ministru wara Joseph Muscat, Chris Cardona tħalla barra mill-Kabinett, iżda baqa’ membru parlamentari, sakemm irriżenja minn din il-pożizzjoni x-xahar li għadda.

Abela ostaġġ ta’ Cardona u Schembri PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-PM Robert Abela spiċċa l-ostaġġ tal-eks Ministru Chris Cardona u tal-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat Keith Schembri.

Fi stqarrija ffirmata mill-MP Karol Aquilina l-PN qal li l-intervisti ta’ Chris Cardona jikkonfermaw li Cardona u Keith Schembri spiċċaw jiddefendu lil xulxin u qegħdin jikkontrollaw lill-Prim Ministru Robert Abela.

Skont il-PN in-nies qed jistaqsu għadd ta’ mistoqsijiet, fosthom:

  1. Liema Prim Ministru ta’ pajjiż serju jżomm ma’ djulu Deputat Mexxej tal-Partit tiegħu stess li huwa implikat f’assassinju ta’ ġurnalista?
  2. Liema Prim Ministru ta’ pajjiż li jirrispetta u josserva s-saltna ta’ dritt ma jistaqsix u jinsistix dwar il-fatt li l-Pulizija għadha m’arrestatx lil Chris Cardona u lil Keith Schembri?
  3. Għaliex Chris Cardona qed jiddefendi wkoll lil Keith Schembri u qed jgħid li waslulu messaġġi minn nies viċin Keith Schembri?

Rappurtaġġ addizzjonali: Christoph Schwaiger