Chris Cardona jgħid li mhux se jirreżenja

Aġġornat 06:45 PM
Luke Zerafa

Read in English.

Il-MP tal-PL Chris Cardona qal li mhux se jkun qed jirreżenja.

Illejla s-sit Net News qal li s-sorsi tiegħu kkonfermaw li fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru Robert Abela kien taħt pressjoni kbira sabiex ineħħi lil Cardona, u biex jirrenżja kemm mill-Parlament kif ukoll minn Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-Partit.

Cardona qal lil Newsbook.com.mt li m’għandux ħsieb biex jirreżenja. Cardona ddeskriva r-rapport tan-Net bħala wieħed fqir.

Din il-ġimgħa, Melvin Theuma qal li kien hemm in-numru ta’ Chris Cardona fuq mowbajl li nstab f’rejd fil-Marsa. Theuma jgħid li huwa s-sensar tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Ir-rejd kien sar b’rabta mal-każ u kien wassal għall-arrest ta’ tlett irġiel li jinsabu akkużati li skattaw il-bomba fil-Bidnija.

Chris Cardona kien qal lil Newsbook.com.mt li l-pulizija qatt ma staqsewh dwar il-każ tal-mowbajl bin-numru tiegħu fuqu.

F’Novembru Chris Cardona kien qiegħed jiġi interrogat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fost l-oħrajn dwar il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu nħeles mingħajr akkużi.

Cardona rreżenja imma ftit wara l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li kien qed jirritorna bħala Ministru u Deputat Mexxej. Cardona ma ngħatax post fil-Kabinett tal-PM Robert Abela.