Filmat: “Chris Cardona bagħat l-ittra tar-riżenja” – Il-PM

Aġġornat 04:00 PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal dalgħodu li Chris Cardona bagħat l-ittra tar-riżenja tiegħu mill-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.

Hu qal dan hu u jitkellem mal-ġurnalisti quddiem Kastilja dalgħodu.

Il-Prim Ministru sostna li hu infurmat li fl-ittra tiegħu Cardona qal li qed jirreżenja mill-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-PL. Abela qal li l-proċess diġà tnieda sabiex f’Lulju li ġej ikun hemm il-konferenza ġenerali fejn jinħatar Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-PL ieħor.

Fi stqarrija mibgħuta għall-ħabta tas-2pm illum, il-Partit Laburista ħabbar b’mod uffiċjali li rċieva l-ittra tar-riżenja ta’ Cardona. Hu kien ilu jservi f’dan l-irwol mill-2016. Il-PL irringrazzja lil Cardona għall-ħidma politika li wettaq “b’lealtà tul is-snin fi ħdan l-istrutturi tal-Partit.”

Ilbieraħ, Abela stqarr li hu kkomunika ma’ Chris Cardona u wrieh ix-xewqa li ma jibqax jokkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej. Irrimarka li Chris Cardona qatt ma kien jifforma parti minn Gvern immexxi minnu minn Jannar sal-lum. Semma wkoll li kien irriżenja minn Membru Parlamentari.

Intant, it-Tnejn, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista mhuwiex ‘il fuq mil-liġi. Hu kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar il-pożizzjoni ta’ Cardona fil-Partit Laburista, fid-dawl li ismu ssemma kemm-il darba fil-Qorti, b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista, ilbieraħ xehed Johann Cremona, li kien involut fin-negozju ma’ Fenech. Huwa qal li Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, kien dejjem jgħidlu l-istess storja u jsemmi l-ismijiet ta’ Yorgen Fenech, Keith Schembri, Chris Cardona u David Gatt.

Din, iżda, ma kinitx l-ewwel darba li isem l-Avukat Cardona ssemma fil-qorti fi proċeduri dwar dan il-każ.

L-eks Ministru għall-Ekonomija, anke wara li rreżenja mill-Parlament ix-xahar li għadda, ċaħad darba wara oħra li hu kellu xi involviment fl-assassinju tal-ġurnalista, avolja fil-Qorti ssemma li n-numru tiegħu kien fuq burner phone li nstab fil-baħar qrib it-tinda tal-patata fil-Marsa. F’din it-tinda kienu jiltaqgħu l-aħwa Degiorgio, li huma akkużati bil-qtil tal-ġurnalista. Apparti dan, Yorgen Fenech kien għadda ittra lill-Pulizija li fiha kien hemm miktub li Cardona ħallas għall-assassinju. Cardona mill-bidu sostna li dan kien frame-up, u għadu jtenni dan sal-lum.

F’intervista mat-Times of Malta madwar għaxart ijiem ilu, Cardona qal li s’issa għad ma kienx hemm evidenza propja kontrih, imma allegazzjonijiet biss. 

F’Novembru tal-2019, Newsbook.com.mt kien żvela li Dr Chris Cardona kien qed jiġi interrogat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fost l-oħrajn dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia u dwar dak li żvelat l-istess ġurnalista, li kienet allegat li Cardona kien fil-burdell Acapulco fil-Ġermanja meta suppost kien waqt xogħol. Huwa kien issospenda lilu nnifsu minn Ministru għall-Ekonomija għal xi żmien.

Mal-bidla tal-Prim Ministru, Cardona tilef postu fil-Kabinett, u mbagħad, ix-xahar li għadda, irreżenja mill-Parlament iżda żamm postu bħala Deputat Mexxej.

Filmat: Miguela Xuereb