CHOGM u Valletta Summit: ​Kontrolli ġodda għal min jivvjaġġa

Il-Ministeru għas-Sigurtà Nazzjonali qed javża li b’rabta mal-Valletta Summit u maċ-CHOGM, kull min jidħol u joħroġ minn Malta se jkollu jippreżenta dokument ta’ identifikazzjoni anka qabel it-tluq u mal-wasla fl-ajruport jew port ta’ Malta. Dan il-kontroll se jsir minbarra dak normali li jintalab qabel iċ-check in.
Ġie spjegat li dawn il-kontrolli se jiddaħħlu temporanjament fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kif ukoll fit-Terminal tal-Passiġġieri fil-Belt Valletta għal tluq u wasliet minn stati fiż-żona Schengen.  
Il-kontrolli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ mit-Tnejn 9 sal-Ġimgħa 13 ta’ Novembru, kif ukoll bejn il-21 u d-29 ta’ Novembru.
Il-Ministeru qal li dan huwa arranġament normali li jsir f’avvenimenti ta’ dan it-tip, l-istess bħalma kien ġara waqt l-aħħar żjara tal-Papa f’Malta fl-2010.
Intqal li dan qed isir skont il-Kodiċi tal-Fruntieri tax-Schengen u regolamenti oħra tal-Unjoni Ewropea.
Fil-każ ta’ ċittadini Maltin u  oħrajn tal-Unjoni Ewropea, karta tal-identità nazzjonali valida tkun biżżejjed. Huwa importanti li wieħed jiċċekkja minn qabel li l-karta tal-identità tkun valida u mhux skaduta għal matul iż-żmien tal-vjaġġ.
Passport validu huwa wkoll aċċettat iżda mhux neċessarju biex ċittadini Maltin u tal-Unjoni Ewropea joħorġu u jidħlu f’Malta‎ matul dawn il-perjodi.
F’każ ta’ ċittadini mhux Maltin u mhux tal-Unjoni Ewropea, bħas-soltu se jkollhom bżonn passaport. 
Għal kwalunkwe mistoqsija dwar dawn il-kontrolli l-ġodda, wieħed jista’ jċempel fuq 23696416 jew 21222941.