Abbuż Ċilì: L-Arċisqof “interrogat”

Charles Scicluna and Jordi Bertomeu
REUTERS/Rodrigo Garrido

Read in English.

Il-Prosekuzzjoni Ċilena qalet li nhar it-Tlieta interrogat lill-Arċisqof Charles Scicluna hekk kif kien se jtir lejn Malta wara l-missjoni ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ tiftix tal-fatti b’rabta ma’ abbużi sesswali mill-kleru, ordnata mill-Papa Franġisku.

Il-Prosekutur ibbażat fil-kapitali Santiago Raúl Guzmán, qal li huwa “interroga” lill-Arċisqof Scicluna fl-għassa tal-pulizija tal-ajruport ta’ Santiago dwar il-każ ta’ abbuż li jinvolvi 25 patri Marista u 30 vittma.

“Aħna rranġajna intervista mal-Mons. Scicluna li seħħet fl-uffiċċji tal-pulizija investigattiva fl-ajruport qabel it-titjira tiegħu,” Guzman qal lill-ġurnalisti.

F’konferenza tal-aħbarijiet sigħat qabel, Mons. Scicluna qal li l-Vatikan kien kommess li jaħdem mal-awtoritajiet ċivili Ċileni biex tinkiseb ġustizzja għall-vittmi.

Meta kien mistoqsi jekk hux se jippublika rapport ta’ 2,300 paġna li ħejja wara ż-żjara fiċ-Ċilì fi Frar, Mons. Scicluna qal li d-deċiżjoni kienet tal-Papa Franġisku li jippubblikah. Żied jgħid ukoll li l-awtonomija u l-libertà tal-Knisja trid tiġi rispettata.

“Kull talba u petizzjoni trid tintbagħat lilu għax hu huwa l-kap tal-Knisja, għandu ġurisdizzjoni,” temm jgħid lill-ġurnalisti.

L-aħħar avvenimenti waslu hekk kif il-Knisja u l-istat qed jindirizzaw skandlu ta’ abbuż u ta’ ħabi tal-provi li qed jikber u li għamel il-ħsara lir-reputazzjoni tar-reliġjon l-aktar popolari f’dan il-pajjiż.

Ix-xahar li għadda, il-Papa akkuża lill-Knisja Ċilena b’”negliġenza gravi” bil-mod kif kienu tmexxew l-affarijiet wara li sar magħruf l-abbuż fuq it-tfal u meta l-evidenza ta’ krimini sesswali nħbiet. Huwa aċċetta wkoll ir-riżenja ta’ tliet isqfijiet.

Scicluna qal li waqt it-tieni żjara tiegħu fiċ-Ċilì, li bdiet il-ġimgħa li għaddiet, huwa mexxa “mijiet” ta’ intervisti oħrajn, inkluż ma’ vittmi ta’ abbuż li avviċinaw l-awtoritajiet fil-ġimgħat reċenti. Huwa ħabbar t-twaqqif ta’ “servizz li jisma’” għal uffiċjali tal-knisja.