Chiara tkanta f’Tel Aviv nhar it-Tlieta

Il-kantanta Chiara se terġa’ tkun qed tmiss mal-Eurovision nhar it-Tlieta 14 ta’ Mejju hekk kif ħarġet il-lista ta’ artisti mill-Eurovision li fil-ġranet li ġejjin se jkunu qed jagħtu l-wirjiet tagħhom fil-Euroclub, il-klabb tal-Eurovision, f’Tel Aviv fl-Iżrael.

Il-kantanta Maltija li rrappreżentat lil Malta fl-1998 f’The One That I Love, kif ukoll fl-2005 b’Angel u fl-2009 b’What If We, se tkun qed tingħaqad ma’ artisti bħal Shiri Maimon (Iżrael, 2005), Liora (Iħrael, 1995), Hart Skaat (Iżrael, 2010), Emmelie de Forest (Danimarka, 2013) u Anna Sahlene (Estonja, 2002), biex fil-ġimgħa tal-Eurovision, ikantaw fil-klabb li jkollu attendenza numeruża mill-fans tal-Eurovision li jkunu qed iżuru l-pajjiżi ospitanti tal-Eurovision.

Intant, illum l-Erbgħa 8 ta’ Mejju, kif ukoll nhar l-Erbgħa 15 ta’ Mejju, u l-Erbgħa 22 ta’ Mejju, bejn it-3.30pm u 5pm, fuq RTK 103fm se jkunu qed jixxandru programmi speċjali dwar il-Eurovision fejn intom is-semmiegħa tkunu tistgħu wkoll tintervjenu bil-kummenti tagħkom, l-aktar wara li l-bieraħ il-kantanta Michela tat l-ewwel prova tagħha fuq il-palk ta’ Tel Aviv, fl-Iżrael, bil-kanzunetta Chameleon.

Mistiedna ta’ Frederick Zammit għal dan l-ewwel programm se jkun hemm Lynn Faure, li fl-2003 kienet irrappreżentat lil Malta bil-kanzunetta To Dream Again, kif ukoll Joseph Barber Bonavia, dilettant tal-Eurovision li f’dawn l-aħħar snin, beda jsiefer lejn il-pajjiż ospitanti biex isegwi mill-qrib il-Eurovision fl-atmosfera naturali tiegħu.