Chetcuti għamlet rapport dwar vjolenza domestika fl-2013 – Pulizija

Kwartieri tal-Pulizija - Police Headquarters Depot
Joseph Giordimaina

Read in English.

Il-Korp tal-Pulizija qal li Chantelle Chetcuti, li mietet kawża ta’ daqqa ta’ sikkina f’rasha mis-sieħeb tagħha, kienet għamlet rapport wieħed biss lill-Pulizija dwar vjolenza domestika fil-konfront tar-raġel li tressaq il-Qorti b’rabta tal-qtil tagħha.

FI stqarrija, il-Pulizija spjegat li l-każ imur lura għal Frar tal-2013 fejn il-Pulizija ħarġu l-akkużi dwar vjolenza domestika fil-konfront tal-istess raġel. Il-Pulizija qalet li l-każ kien ingħalaq waqt seduta tal-Qorti tal-Familja tat-3 ta’ Ġunju tal-2013.

Il-Korp kompla billi għamilha ċara li l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika kienet, għadha u tibqa’ ta’ prijorità għall-korp.

Ir-raġel li għandu 33 sena minn Ħal Safi tressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea akkużat b’omiċidju, fost oħrajn. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Chetcuti mietet, wara 24 siegħa tissielet għal ħajjitha. Nhar il-Ħadd filgħaxija hi qalgħet daqqa ta’ sikkina f’rasha. L-argument seħħ fi Triq il-Kbira f’Ħaż-Żabbar għall-ħabta tat-8.15pm, fejn għamlet ħin mitlufa minn sensiha fuq bankina.

L-aggressur kien ħarab minn fuq il-post, iżda mar għand il-Pulizija biex jammetti dak li għamel iżjed tard. Huwa kien mimli dmija u b’xi feriti f’idu. Ir-raġel qed jinżamm arrestat. Saret tfittxija fuqu fejn instabet sustanza illegali, suspettata droga.