Chetcuti Cauchi tikseb il-filmati li ttieħdu bil-moħbi

Read in English.

Id-ditta legali Chetcuti Cauchi, li l-liċenzja tagħha biex tbigħ il-passaporti ġiet sospiża wara li ġurnalisti rrekordjaw lil wieħed mill-aġenti tagħha jiftaħar bil-konnessjonijiet politiċi tiegħu, akkwistat il-filmat sħiħ irrekordjat mill-ġurnalisti.

Partijiet mill-filmat li ttieħed bil-moħbi xxandru fit-22 ta’ Settembru tal-2019. Minkejja li Chetcuti Cauchi qalet li kisbet il-filmat “li jeżonoraha,” il-kumpanija ma ħarġitux pubblikament.

Fi stqarrija, id-ditta legali qalet li l-kumpanija Franċiża tal-midja “ċediet għall-pressjonijiet legali” f’Diċembru li għadda u għadditilhom il-filmat. Ħarġet żewġ filmati qosra.

Il-kumpanija qalet ukoll li l-midja Maltija qieset dak li kien allegat bħala fatt u bbażat il-preżunzjonijiet tagħha fuq “filmati mbagħbsa mill-kamera moħbija tal-ġurnalist Franċiż.”

Wieħed mid-diretturi tal-kumpanija, Dr Jean-Philippe Chetcuti, jemmen li l-evidenza li għandha l-kumpanija tneħħi kull dubju li hemm fuq “ir-reputazzjoni eċċellenti” tal-kumpanija.

Permezz ta’ kameras moħbija, żewġ aġenti Maltin li jaħdmu fl-iskema tal-bejgħ tal-passaporti ġew iffilmjati jiftaħru bir-relazzjoni tajba li għandhom ma’ ministri mlaħħqin Maltin. Ġurnalist għall-istazzjon Franċiż M6 aġixxa ta’ rappreżentant għal klijenti Afrikani li jridu jixtru passaporti Maltin. Dan il-filmat ixxandar fi programm tal-aħbarijiet Franċiż li sejjaħ lil Malta “ġenna tal-korruzzjoni.”

L-għaqda mhux governattiva Repubblika kienet qalet li informazzjoni li ħarġet fil-programm tista’ tammonta għal 10 darbiet li nkisret il-liġi Maltija.

Ir-Regolatur għall-Individual Investor Programme (IIP) ippubblika rapport fuq l-allegazzjonijiet li saru kontra Chetcuti Cauchi. Id-ditta legali qalet li ma kinitx sorpriża bil-konklużjonijiet li hi innoċenti.

Dwar l-allegat ksur ta’ etika min-naħa ta’ Jean-Philippe Chetcuti u Chetcuti Cauchi Advocates, il-Kamra tal-Avukati qalet li li avukat innifsu jkun direttur ta’ kumpanija mhuwiex “fih innifsu ksur tal-kodiċi tal-etika” imma din ir-regola tipprevjenihom milli jipprofittaw mis-servizzi tagħhom stess.