Chernobyl toħloq kontroversja; Ir-Russi jridu jaħdmu l-verżjoni tagħhom

Ritratt: HBO

Is-serje Chernobyl dan l-aħħar ixxandret b’suċċess kbir, tant li hu meqjus li mliet il-vojt ta’ Game of Thrones li kienet għadha kif spiċċat meta din il-minisensiela bdiet tixxandar.

Iżda l-istorja li ġiet ippreżentata mill-istazzjon HBO xejn ma niżlet tajjeb mir-Russi. L-aħħar puntata xxandret nhar it-Tnejn li għadda b’rekord ta’ udjenzi għall-istazzjon Amerikan.

Skont ma’ ġie rrappurtat huma issa jridu jippreżentaw verżjoni oħra tal-istorja, li skonthom hija verżjoni li se twassal il-fatti kif seħħew tassew, fosthom li kien hemm is-CIA involuta fl-ikbar traġedja nukleari li qatt rat id-dinja f’April tal-1986.

L-istess rapporti jgħidu li l-Ministeru tal-Kultura fir-Russja se jkun qed jagħti kontribuzzjoni ta’ $463,000 biex jiffinanzja din il-verżjoni tagħhom.

Skont ma qed jintqal, is-sensiela Chernobyl qed titqies bħala propoganda Amerikana u l-fatt li fuq il-mezzi soċjali kienu bosta żgħażagħ Russi li faħħru din il-produzzjoni, urtaw l-awtoritajiet Russi li issa jinsabu determinati li jwasslu fatti differenti minn dawk li ġew ippreżentati f’din is-sensiela u jwasslu l-istorja minn lenti differenti minn kif inhi dokumentata fl-istorja.