Charlton Debono u Roberta Schembri jibbrillaw fit-tellieqa tal-10km

Charlton Debono, Roberta Schembri ibbrillaw fit-tellieqa tal-10km, Miguel Del Pozo, u Tara Abdilla rebħu t-tellieqa tal-5km. Ix-xita qawwija li laqtet ‘l fuq minn 300 atleta lesti biex jiġru fl-Eurosport m’affetwatx l-ispirtu kompetittiv tagħhom.

Fit-tellieqa tal-10km, Charlton Debono ta’ prestazzjoni impekkabli li wriet klassi kbira. Debono kien fuq quddiem mill-bidu nett u spiċċa t-tellieqa f’ħin ta’ 31 minuta 52 sekonda. Dan ir-riżultat isegwi s- suċċess riċenti ta’ Debono fl-isfera internazzjonali mela hu kiser ir-rekord nazzjonali tal-maratona ġewwa Valencia. Wara Debono, kien l-atleta ieħor Għawdxi, Matthew Xuereb li rreġistra l-aħjar ħin tiegħu sa’ issa meta spiċċa f’ħin ta’ 34 minuta, 2 sekondi. Fit-tielet post, tlett sekondi wara Xuereb, daħal Pierre Chicco.

Fil-Kategorija tan-nisa Roberta Schembri ħadet l-unuri,meta spiċċat f’ħin ta’ 38 minuta u 6 sekondi. Schembri, li rebħet din it-tellieqa s-sena l-oħra wkoll, kella vantaġġ komdu fuq Agatha Liturntuk li spiċċat wara 42 minuta u 56 sekondi. Fit-tielet post daħlet Tara Borg Manche li spiċċat ir-rotta f’ħin ta’ 43 minuta u 35 sekondi.

Fit-tellieqa tal-ħames kilometri, kien hemm inqas distakk bejn l-ewwel tlett rġiel. L-ewwel ma spiċċa kien Miguel Del Pozo li spiċċa f’ħin ta’ 16-minuta u 8 sekondi. Del Pozo kien segwit minn Simon Spiteri li spiċċa ħames sekondi warajħ filwaqt li Mark Herrara, spiċċa fit-tielet post, żewġ sekondi wara Spiteri.

Tara Abdilla rebħet il-kategorija tan-nisa f’ħin ta’ 18 il-minuta u 52 sekondi. Wara Abdilla daħlu Mary Clare Vella u Marie Claire Cremona li rreġistraw ħin ta’ 21 minuta u 34 sekonda u 21 minuta u 44 sekonda rispettivament.Ir-rebbieħa ġew ippreżentati trofej u premijiet immedjatament wara t-tellieqa mis-Sur Anthony Chircop, rappreżentant tar-Reġjun Centrali tal-Kunsilli Lokali, u s-Sur Brian Cremona, rappreżentant ta’ Eurosport Malta.