Charlie Hebdo: Inbiegħet kollha f’Pariġi

Sas-7 ta’ dalgħodu, f’ħafna ħwienet tal-gazzetti f’Pariġi, l-edizzjoni storika tar-rivista satirika Charlie Hebdo kienet diġà nbiegħet kollha.
Għal din l-ewwel ħarġa wara l-massakru ta’ nhar l-Erbgħa saru 3 miljun kopja u ġiet maqluba f’diversi lingwi – ferm iktar mis-60,000 kopja tas-soltu.
Inbiegħet flimkien ma’ għadd ta’ gazzetti Ewropej jew Amerikani f’turija ta’ solidarjetà.
Il-qoxra tagħha qed terġa’ tirrappreżenta lill-Profeta Mohammed imma din id-darba li qed jibki, waqt li jżomm it-tabella Je Suis Charlie, u fuq rasu d-dikjarazzjoni li kollox hu maħfur.
Hu mifhum li fil-paġni ta’ ġewwa hemm karikaturi tal-kartunisti maqtula waqt li kartunisti oħra, li fil-passat kienu jaħdmu għal din ir-rivista, taw id-daqqa t’id tagħhom biex għaqqdu din il-ħarġa.
Il-ħaddiema ta’ Charlie Hebdo bħalissa qed jaħdmu mill-uffiċċji tal-gazzetta Franċiża Liberation li diġà wegħdet l-appoġġ tagħha sakemm ikun meħtieġ.
Sadattant, fl-aħħar jiem, gazzetta satirika oħra Franċiża, Le Canard Enchainé, żvelat li anke hi rċeviet theddid minn terroristi li "issa jmiss lilhom". Il-Pulizija Franċiża wieġbet mill-ewwel b'iktar sigurtà qrib l-uffiċċji tagħha. 
Skont Rob Wainwright, id-direttur ta' Europol, hemm bejn 3,000 u 5,000 ġellied Ewropew li bħalissa jinsab f'xi pajjiż tal-Lvant Nofsani u li jistgħu jwettqu attakki terroristiċi meta jidħlu lura f'pajjiżhom.