Charlie Hebdo: Ħadd ma jrid lill-aħwa Kouachi jew lil Coulibaly

Il-vittmi kollha tal-massakri tal-ġimgħa li għaddiet f'Pariġi qed jingħataw l-aħħar tislima.
Kollha, ħlief iż-żewġt aħwa Cherif u Said Kouachi, u Amedy Coulibaly li attakka s-supermarket Lhudi.
Skont il-liġi Franċiża, persuna għandha tindifen fejn tkun twieldet jew għexet imma jidher li l-komunitajiet fejn it-tliet persuni kienu qed jgħixu fl-aħħar snin ma jridux li jindifnu fiċ-ċimiterji tagħhom.
Kelliema qrib il-kunsilli lokali taż-żoni fejn kienu jgħixu t-tliet irġiel qalu li qed jibżgħu li l-oqbra tagħhom jispiċċaw jattiraw lejhom militanti estremisti oħra.
Dan ifisser li t-terroristi jistgħu jispiċċaw jindifnu qrib l-aħħar post li attakkaw, fejn finalment inqatlu.