Aġġornata(4): Isir kuntatt bit-telefon mal-aħwa Kouachi

Aġġornata fil-17:15:
Inqatlu ż-żewġt aħwa li wettqu l-attakk fuq l-uffiċini tar-rivista satirika Charlie Hebdo. Dan wara li l-Pulizija ċċirkondaw l-istamperija fejn kienu qed jinsabu.

Aġġornata fis-13:00:
Il-Pulizija kkonfermat li għamlet kuntatt bit-telefon mal-aħwa Kouachi, li għadhom magħluqa f'fabbrika f'żona industrijali fil-Grigal ta' Pariġi.
Sadattant, bil-maqlub ta' dak li ntqal ilbieraħ, il-Pulizija issa kkonfermat li l-isparatura li qatlet pulizija mara hi marbuta mal-attakk fuq Charlie Hebdo.

Aġġornata f'12:00:
Il-President Franċiż Hollande appella għal unità nazzjonali. Qal li l-Pulizija lesta biex tagħmel dak kollu possibbli biex iż-żewġ suspettati jinqabdu.
Rapporti qed jgħidu li l-President qed isegwi mill-qrib il-ħidma li qed tagħmel il-Pulizija, u mistenni jkun hu li jagħti l-ordni biex il-Pulizija tattakka jekk tkun il-ħtieġa.

Aġġornata fil-11:15:
L-aħwa Kouachi, flimkien mal-ostaġġ li għandhom f'idejhom, ġew imrekkna f'maħżen li jintuża bħala stamperija.
L-ispazju tal-ajru fuq ir-raħal ta' Dammartin-en-Goele ingħalaq, bil-Pulizija tuża mill-inqas 4 ħelikopters fil-ħidma tagħha.
Dan qed joħloq diffikultajiet lill-ajruport ta' Pariġi, Charles de Gaule, li jinsab fil-qrib.
Sadattant, ir-residenti tar-raħal Dammartin intalbu biex ma joħorġux minn djarhom.
Il-Pulizija għadha tiċħad rapporti li s'issa kien hemm xi vittmi.
Il-President Franċiż Francois Hollande qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet.

Aġġornata fl-10:15:
Il-pulizija f’Pariġi sparaw xi tiri lejn karozza li hu maħsub li fiha hemm iż-żewġ suspettati tal-massakru fl-uffiċċji tar-riviżta Charlie Hebdo.
It-tiri ġew sparati waqt li l-karozzi kienu qed jinstaqu b’ċertu veloċità fil-Grigal ta’ Pariġi.
Skont rapporti fl-istampa Franċiża, hemm suspett li ż-żewġ aħwa Kouachi ħatfu mill-inqas persuna waħda bħala ostaġġ. 
Il-Pulizija ċaħdet rapporti li weġġa' jew inqatel xi ħadd hekk kif qed tissokta bil-ħidma tagħha. Sadattant l-inħawi ta' Dammartin-en-Goele, mhux 'il bogħod mill-ajruport ta' Pariġi Charles de Gaule, ġew iċċirkondati biex il-Pulizija tagħlaq fuq is-suspettati.

Iktar kmieni:
Fi Franza għadha għaddejja bla waqfien it-tfittxija għall-aħwa Kouachi, akkużati bl-attakki fuq Charlie Hebdo.
Għalkemm mijiet ta’ pulizija ċċirkondaw iż-żona ta’ Picardy, li tinsab fil-majjistral ta’ Pariġi, l-irġiel għadhom ma nstabux.
Il-pulizija, li huma armati sa snienhom, sa issa għadhom ma lemħux il-karozza li l-aħwa użaw u abbandunaw fl-aħħar sigħat. 
Madwar Franza, mat-88,000 pulizija ssejħu biex iżommu għajnejhom miftuħa għal kull eventwalità. Wara l-attakk ta’ nhar l-Erbgħa, f’Pariġi hemm mal-10,000 uffiċjal tal-Pulizija.  
Tminn ġurnalisti, żewġ uffiċjali tal-pulizija, purtinar u viżitatur, inqatlu mill-aħwa Cherif u Said Kouachi, meta daħlu jisparaw fl-uffiċini tar-rivista Charlie Hebdo fiċ-ċentru ta’ Pariġi.  Waqt l-attakk terroristiku weġġgħu 11-il persuna, 4 minnhom f’kundizzjoni gravi. 
Is-suspettati huma minn Pariġi u għandhom ġenituri Alġerini. 
Għat-tieni lejl konsekuttiv, f’Pariġi saru vġili b’rispett lejn it-12-il vittmi tal-attakk terroristiku. 
Illum, il-Kunsill ta’ Pariġi mistenni jkollu laqgħa straordinarja u jagħmel lil Charlie Hebdo bħala ċ-ċittadin onorarju tal-belt.  
Is-Sindku ta’ Pariġi, Anne Hidalgo qalet li hu rari li jingħata dan l-unur.