​Charlie Hebdo: Anke l-Parlament Malti jsellem lill-vittmi

Il-Viċi Prim Ministru Louis Grech fil-Parlament, f’isem il-Gvern, sellem lis-17-il vittma tat-terroriżmu fl-aħħar jiem fi Franza u lill-qraba tagħhom.
Sejħilha “traġedja ta’ kulħadd” waqt li tenna li t-terroriżmu ma waqafx mal-marċ f’Pariġi lbieraħ.
Iddeskriva lil Malta bħala pajjiż li mhux immun għall-problemi tat-terroriżmu speċjalment għax jinsab fil-qalba tal-Mediterran, li hu reġjun b’tensjonijiet. Saħaq li l-mexxejja politiċi jridu jiġġieldu kontra l-preġudizzju, l-Islamofobija, ix-xenofobija u biżgħat oħrajn.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, wara li ppropona minuta silenzju, ingħaqad mal-Viċi Prim Ministru f'turija ta' solidarjetà mal-vittmi u mal-poplu Franċiż. Saħaq li jikkundanna kull forma ta' vjolenza u kull theddid lejn il-libertà tal-espressjoni li hu valur universali.
Anke d-Deputat Speaker Ċensu Galea ngħaqad mal-Gvern u mal-Oppożizzjoni fix-xewqat tagħhom.