Aġġornata (2): Il-Pulizija Franċiża tkompli bit-tfittxija għall-aħwa Kouachi

Aġġornata fis-19:00
Il-Pulizija Franċiża wettqet tfittxija f'numru ta' djar fil-qrib ta' pompa tal-petrol minfejn is-sid qal li lemaħ l-aħwa li wettqu l-attakk.
Jidher li l-aħwa ħarbu lejn foresta kbira fil-periferija ta' Pariġi.

Aġġornata fit-15:25
Jidher li l-Pulizija ċċirkondat dar li fiha huma magħluqa ż-żewġt aħwa Kouachi. 
Din id-dar tinsab madwar 70 kilometru 'l barra minn Pariġi. Il-Pulizija huma lesti li jidħlu minn ħin għall-ieħor.

Aġġornata f'12:05
Il-Pulizija Franċiża qed toqrob biex taqbad liż-żewġt aħwa Kouachi wara li dawn ġew lokalizzati waqt li kienu qed jivvjaġġaw f'karozza madwar 85 kilometru fil-Grigal ta' Pariġi.
Il-karozza kienet qed tinstaq bil-pjanċi mgħottija u fil-karozza l-aħwa għandhom kwantità ta' armi. 
Il-Pulizija illokalizzaw il-vettura waqt li kienet qed tinstaq fid-direzzjoni ta' Pariġi.

Iktar kmieni, fil-11:00:
Huma mill-inqas 7 l-persuni miżmuma mill-Pulizija matul il-lejl b’rabta mal-massakru tal-bieraħ fuq l-uffiċċji tar-riviżta Charlie Hebdo.
Fost dawn hemm iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena li ġie identifikat bħala s-sewwieq tal-karozza imma li jidher li qed isostni li f’dak il-ħin kien l-iskola u għandu min jixhed dwar hekk.
Il-Pulizija identifikat liż-żewġt aħwa, Said u Cherif Kouachi, wara li wieħed minnhom ħalla l-karta tal-identità fil-karozza użata fil-massakru u li iktar tard ġiet abbandunata.
L-aħwa biddlu l-karozza meta ġiegħlu persuna tinżel mill-karozza tagħha u serquhielha.
Sadattant il-Prim Ministru Franċiż, Manuel Valls, fil-jum ta’ luttu nazzjonali, qal li t-tfittxija qed tkompli imma l-Pulizija hi lesta għal kollox, inkluż iktar vjolenza, minħabba li l-aħwa Kouachi huma probabbli armati sa snienhom.
Iż-żgħir fost iż-żewġt aħwa, Cherif, kien diġà magħruf mal-Pulizija tant li fl-2008 kien ġie arrestat u kkundannat għal 3 snin ħabs wara li nstab li kien jifforma parti minn grupp estremista li kien jibgħat għall-ġlied żgħażagħ fl-Iraq.