Charlie Gard mhux se jitħalla jmut id-dar

It-tarbija Charlie Gard se jgħaddi l-aħħar jiem ta’ ħajtu f’post tal-kura apposta minflok fit-taqsima tal-kura intensiva, kif riedet id-direzzjoni tal-isptar jew id-dar kif riedu ommu u missieru.
Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Imħallef  Francis wara li l-ġenituri tat-tarbija u t-tobba qablu dwar dan, iżda għadhom ma qablux fuq id-dettalji dwar kif dan għandu isir u x’kura għandha tingħata.
Connie Yates u Chris Gard kienu riedu li t-tarbija tqatta’ l-aħħar jiem ta’ ħajjitha fl-appartament fejn joqogħdu, biex ikunu jistgħu jkunu miegħu aktar. Iżda d-direzzjoni ta’ Great Ormond Street Hospital oġġezzjonaw, għax qalu li t-tarbija għandha bżonn attenzjoni li tista’ tingħata biss fi sptar.
Waqt seduta tal-Qorti mimlija emozzjoni, id-direzzjoni tal-isptar waqt li oġġezzjonat li Charlie jintbagħat id-dar, aċċettat li jintbagħat post tal-kura apposta.
L-Imħallef iddeċieda li jekk sal-Ħamis waranofsinhar ma jintlaħaqx ftehim dwar il-pjan ta’ kura, allura t-tarbija tittieħed f’dan il-post ta’ kura u ftit wara jintfew il-magni li qed iżommu lit-tarbija ħajja.
Connie Yates, omm it-tarbija, kienet emozzjonata ħafna u telqet il-barra mill-Qorti tibki waqt li għajtet: “Nittama li issa intom kuntenti”.
Grant Armstrong, li qed jidher għall-familja, qal li ħafna infermiera ivvolontarjaw biex jieħdu ħsieb it-tarbija jekk tintbagħat f’dan il-post ta’ kura. L-istess għamel kirurgu ta’ esperjenza kbira, waqt li ditta offriet li ssellef it-tagħmir meħtieġ.
Armstrong qal li fid-dawl ta’ dan, il-familja tat-tarbija aċċettat li Charlie ma jitteħidx id-dar, iżda talbu li jibqa’ jingħata kura għal madwar ġimgħa, biex ikunu jistgħu jgħaddu l-aħħar ġranet miegħu f’ambjent mhux ta’ sptar.