Charles Michel kwarantina ġimgħa wara li żar Malta

DOI: Jeremy Wonnacott

Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel jinsab kwarantina, ġimgħa wara ż-żjara tiegħu f’Malta.

Dan minħabba li uffiċjal tas-sigurta li kien f’kuntatt mill-qrib mal-President kmieni l-ġimgħa li għaddiet, instab li għandu l-coronavirus.

Kelliem għal Michel qal li huwa ta’ sikwit jagħmel test tal-coronavirus u lbieraħ stess, għamel wieħed u rriżulta fin-negattiv. Madankollu, huwa qiegħed jagħmel kwarantina kif jitolbu r-regoli fil-Belġju.

Il-ġimgħa li għaddiet, Michel żar Malta fejn iltaqa’ mal-Prim Ministru Robert Abela u kellu għadd ta’ laqgħat, fosthom mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa ttieħed ukoll fuq vjaġġ bil-ħelikopter mal-Prim Ministru u mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri sabiex jingħata informazzjoni fuq il-ħidma tal-Forzi Armati ta’ Malta fir-rigward tal-immigrazzjoni.

Fil-vjaġġ tiegħu, huwa żar ukoll il-Greċja u Ċipru.