“Charles Miceli kien bniedem ħieles” – Prof. Azzopardi

Il-Professur Andrew Azzopardi d-dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà saħaq li l-attivist Charles Miceli kien bniedem ħieles, waqt id-diskors tal-ftuħ tal-konferenza dwar il-persuni bla saqaf.

Xahar biss il-bogħod mill-ewwel sena anniversarju mill-mewt ta’ Charles Miceli, dalgħodu l-attivist tfakkar permezz ta’ konferenza li saret fil-Palazz tal-Verdala. Il-konferenza, bl-isem ta’ Homelessness – The Hidden Scandal kienet mtella’ mill-Caritas Malta, il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa, u l-YMCA.

AQRA: Imut Charles Miceli: l-attivista kontra l-faqar

Id-Direttur tal-Caritas Malta Anthony Gatt fid-diskors tiegħu fakkar il-memorja ta’ Miceli u saħaq li kieku ma kienx għal Miceli, jaf illum il-ġurnata l-Caritas għandha direttur differenti. Kompla jispjega l-attiviżmu u x-xogħol ta’ Miceli, u saħaq li huwa kien kapaċi verament jidħol fiż-żarbun ta’ dak li jkun. Gatt kompla jgħid li x-xogħol ta’ Miceli kien apprezzat ferm fil-ħabs, fejn kien qisu kalamità. Huwa kompla jispjega li ħidma ta’ Miceli kienet waħda metikoluża. Kompla jgħid li huwa kellu rwol kruċjali meta kienet qed titwaqqaf Dar Papa Franġisku, fejn mhux biss kien membru tal-bord iżda kien ikun spiss hemm fejn kien jiltaqa’ man-nies. Gatt spjega kif l-idea ta’ post li jipprovdi l-ikel lill-persuni żvantaġġati, ma tantx niżlet mal-awtoritajiet, dan wassal biex minn soup kitchen jiġi żviluppat f’xelter ta’ emerġenza.

Il-Professur Andrew Azzopardi fakkar kif sa min tfulitu Miceli kien għex il-faqar iżda huwa eżempju ta’ persuna reżiljenti u li rnexxillu jgħallem lilu nnfisu. Ta’ 12-il sena kellu jieqaf mill-iskola, iżda huwa kompla jgħallem lilu nnifsu jaqra. Iddeskriva lil Miceli bħala bniedem ħieles mill-ġid materjali u li ma kienx qed iffittex poter, saħaq li Miceli dejjem ħadem u żamm profil baxx. Azzopardi saħaq li Miceli kien jinkwieta dwar id-distakk li kien qed jikber bejn dawk li għandhom ġid materjali u dawk li ma għandhomx.

Miceli jibqa’ mfakkar għax-xogħol u l-attiviżmu tiegħu ma’ persuni żvantaġġati, nies bla saqaf fuq rashom, u il-kampanji tiegħu biex il-ħabs isir post fejn ikun hemm riabilitazzjoni. Huwa miet fl-età ta’ 68 sena.

Tkellmu wkoll Anthony Camilleri l-Kap Eżekuttiv tal-YMCA Valletta u Dr Roberta Sammut, id-dekan tal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa.