Charles Mercieca ‘dawwar’ sentenza ħabs għal probation minn wara dahar l-AĠ – Azzopardi

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi qal li l-ġimgħa li għaddiet il-Qorti tal-Appell Kriminali dawret sentenza ta’ ħabs kontra Francis Caruana, uffiċjal pubbliku li ammetta li wettaq frodi, hedded biex jakkwista xi ħaġa u ħasil ta’ flus ta’ €32,000, f’sentenza ta’ probation. Żied jgħid li dan sar wara li l-Avukat Charles Mercieca għamel ftehim (patteġjament) minn wara dahar l-AĠ.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament waqt l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-kodiċi ta’ organizzazzjoni u proċedura ċivili, Azzopardi qal li f’parti mis-sentenza li ngħatat jingħad li l-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ddikjara li mhuwiex jinsisti fuq piena karċerarja effettiva però li kien qed jinsisti li l-bqija tas-sentenza, jiġifieri multa ta’ €63,000 tkun ikkonfermata kollha kemm hi. Wara din l-istqarrija, qal Azzopardi, il-Qorti biddlet erba’ snin ħabs għal probation ta’ tliet snin.

Dr Azzopardi qal li Dr Mercieca għamel dan minn wara dahar l-Avukat Ġenerali u d-deputat AĠ hekk kif l-avukati tal-AĠ għandhom struzzjonijiet bil-miktub li ma jistgħux jagħmlu l-ebda ftehim mad-difiża fi stadju ta’ appell jekk l-AĠ ma jkunx infurmat.

Żied jgħid li Dr Mercieca li kien għandu trainee f’dan l-appell, sa xahrejn ilu kien f’negozjati mad-Dipartiment tas-Sajd fejn kien jaħdem Caruana, biex ikun ingaġġat bħala konsulent legali. Minflok, hu telaq mill-uffiċċju tal-AĠ biex f’temp ta’ 20 siegħa mar jiddefendi lin-negozjant Yorgen Fenech f’dak li l-kelliemi Nazzjonalista ddeskriva bħala l-każ tas-seklu. Fenech qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Azzopardi qal li Mercieca ġie mbuttat mill-Gvern biex applika għall-pożizzjoni ta’ European Public Prosecutor Officer fi ħdan l-Unjoni Ewropea, sena biss wara li kien għadu kemm ġab il-warrant u bla ebda esperjenza mill-Mutual Legal Assistance kif kienet titlob din il-pożizzjoni.

Hu appella lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni Ġustizzja biex tinvestiga l-aġir ta’ dan l-avukat li skont il-kelliem mil-lejl għan-nhar għadda milli jmexxi kriminalment kontra l-kriminali, għal fuq in-naħa l-oħra jiddefendi lil min hu akkużat li ordna “l-assassinju politiku”.