Charles Dalli jinħatar Kap Eżekuttiv tal-PBS

L-Inġinier Charles Dalli nħatar bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services Limited (PBS).

Fi stqarrija, il-PBS qal li Dalli ilu jservi fi ħdan il-PBS għal numru ta’ snin. Kien il-Kap tal-Operat u d-Deputat Kap Eżekuttiv.

Fl-aħħar tmien xhur, Dalli kien l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-PBS.

Dalli nħatar b’vot unanimu waqt laqgħa tal-Bord tad-Diretturi li saret ilbieraħ.

F’Novembru tal-2017, Il-Bord tal-PBS f’laqgħa li damet madwar erba’ sigħat, keċċa lill-Kap Eżekuttiv John Bundy.

Huwa tkeċċa wara li, il-bord unanimament għadda vot ta’ sfiduċja fih.

Bundy kien inħatar Kap Eżekuttiv f’Awwissu tal-2016 mingħajr ebda sejħa għal applikazzjonijet. Il-ħatra tiegħu kienet approvata flimkien mal-ħatra ta’ Charles Dalli bħala deputat Kap Eżekuttiv.

Is-Sunday Times of Malta, kienet irrapportat li awdituri indipendenti sabu irregolaritajiet fi ftehim ta’ ħames mitt elf ewro li għamel John Bundy dwar kiri ta’ karozzi.

Ritratt: LinkedIn