​Charlene Attard: Minn Skolasport għal atleta rebbieħa ta’ midalji tad-deheb

L-atleta Charlene Attard, li rrappreżentat lil Malta fil-Logħob Olimpiku tal-2008 u kienet l-ewwel persuna femminili Maltija li ġriet il-100 metru taħt it-12-il sekonda, kellha l-ewwel esperjenza tagħha tal-isport fil-ġinnastika fl-età ta’ erba’ snin ma’ Skolasport lura fl-1991.
Matul is-snin hi kompliet titgħallem ma’ Skolasport, filwaqt li ppruvat diversi dixxiplini sportivi sakemm sabet in-namra tagħha fl-isport tal-atletika.
Wara parir mill-għalliema tal-iskola primarja tagħha fejn stqarret li Charlene hi tajba fit-tlielaq tal-ġiri, il-ġenituri tagħha ħeġġewha biex tibda l-atletika. "Niftakar lill-missieri jeħodni sat-track tal-Marsa kull nhar ta’ Sibt filgħodu biex nattendi s-sessjoni tal-atletika ta' Skolasport. Minn hemm, ingħaqadt ma’  Pembroke Athleta Athletics Club fejn għadni membru tal-klabb sal-lum. Kont ippruvajt ukoll nattendi s-sessjonijiet tal-għawm ta’ Skolasport, imma wara ndunajt li l-vokazzjoni tiegħi kienet l-atletika,” stqarret Charlene.
"Bdejt nikkompeti f'avvenimenti ta’ distanza itwal u tlielaq fit-toroq. Meta kelli 13-il sena, iddeċidejt li niġri l-100m għall-gost u rbaħt. Dakinhar, iddeċidejt li naqleb għall-isprints. L-aktar żewġ okkazjonijiet li ninsab kburija bihom kienu meta rrappreżentajt lill-Malta fil-Logħob Olimpiku f'Beijing fl-2008 u meta sirt l-ewwel mara Maltija li ġriet il-100m taħt it-12-il sekonda (11,93 sekondi). "
Charlene rrappreżentat lil Malta f'sitt edizzjonijiet tal-Games of the Small States of Europe (Logħob tal-Pajjiżi  Żgħar Ewropej) fejn rebħet 10 midalji (2 tad-deheb, 5 tal-fidda u 3 tal-bronż). Irrappreżentat ukoll lil Malta fit-tliet edizzjonijiet tal-logħob tal-FISEC u rebħet 4 midalji tad-deheb, 2 tal-fidda u 2 tal-bronż.
Il-Malta Amateur Atletics Association għal tliet snin konsekuttivi (2006-2008) tat lil Charlene l-unur tal-Atleta tas-Sena, filwaqt li kisbet it-tielet post fil-Premju tal-Isportiva Nazzjonali fl-2007. Barra minn hekk, Charlene  irċeviet erba’ darbiet il-Premju tal-Kumitat Olimpiku Malti (MOC) matul il-karriera tagħha.
"Matul it-13-il sena mat-tim nazzjonali (2002-2015), irrappreżentajt lil Malta f'kampjonati differenti b'avvenimenti ewlenin fosthom il-World Indoors, l-European Indoors, Tazza Ewropea, European Under 23, World Juniors, European Juniors u logħob tal-EYOF.”
Għal mistoqsijiet dwar kif it-taħriġ ta’ Skolasport għenha sa minn età żgħira u min kien il-mudell tagħha fl-ambizzjoni tagħha, hi malajr irrispondiet : "Skolasport toffri l-opportunità li wieħed jiskopri l-aħjar dixxiplina sportiva għalih. Barra minn hekk, il-kowċis li kelli  għallmuni mhux biss it-teknika, iżda ukoll l-imħabba għall-isports.  Dawn il-kowċis dejjem emmnu fija, u dan għenni biex nibqa’ nitħarreġ ġimgħa wara ġimgħa."
“Il-mudelli li ispirawni kienu l-ġenituri tiegħi  għall-appoġġ kontinwu tagħhom matul is-snin. Huma dejjem emmnu fija u għadhom jagħmlu dan sal-ġurnata tal-lum. Minn qalbi nirringrazzjahom għall-enerġija u r-riżorsi kollha li ddedikawgħaliha biex il-ħolm tiegħi jsir realtà.”
Bla ebda dubju, is-sigriet tas-suċċess ta’ Charlene hu t-taħriġ sod kontinwu biex iseħħ il-ħolm tagħha. "Issa nirrealizza li mingħajr is-sagrifiċċji kollha li għamilt, ma kienx ikolli l-opportunità li nirrappreżenta lil Malta fil-Logħob Olimpiku f'Beijing."
Charlene bħalissa hi għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika fl-Iskola ta’ St. Joseph f’tas-Sliema. Hi waħda mill-Head Coaches tal-programm #OnTheMove, kif illum hi magħrufa SkolasportHi ukoll membru tal-Bord tad-Diretturi ta’ SportMalta u direttur fil-Kumitat Olimpiku Malti responsabbli għall-kummissjoni tal-atleti.
 “Il-vjaġġ tiegħi ma’ #OnTheMove beda mit-taħriġ fl-atletika,wara sirt kowċ u issa  head coach fil-programm stess.  Grazzi għal dan il-programm matul dawn is-snin bqajt inkun involuta ma’ SportMalta. Fil-fatt kelli diversi opportunitajiet: fosthom kont facilitator waqt il-European Youth Sport Forum (EYSF) 2017, f’April li għadda, u sibt appoġġ biex żewġ ideat li kelli twettqu. Dawn huma l-Active School Flag Award bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u t-taħriġ għal dawk li jridu jiġru ħames kilometri bl-isem ‘O to 5K’ inkluż fil-programm ta’ #On the Move. 
Permezz ta’ SportMalta u #OnTheMove qed naħdmu biex l-isports ikun aktar attraenti u disponibbli għat-tfal tagħna. Nifhem id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-atleti Maltin għaliex anki jien għaddejt minnhom. Permezz tar-rwoli tiegħi fil-MOC u SportMalta, qed nipprova nagħti u ngħaddi lill-parteċipanti tagħna l-għarfien u l-esperjenza tiegħi biex niksbu riżultati aħjar għal Malta.”
Meta ntalbet tgħid liema pariri tixtieq li taqsam mal-parteċipanti żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom, Charlene qalet: "Liż-żgħażagħ u lit-tfal ngħidlhom aħdmu ħafna u emmnu fil-ħolm tagħkom biex tagħmluh realta’. Kunu kburin b’min intom u kunu ġusti. L-isport jagħtik opportunitajiet f'aspetti oħra tal-ħajja … tibżgħux tieħdu dawn l-opportunitajiet.
“Lill-ġenituri: tpoġġux wisq pressjoni fuq it-tfal tagħkom speċjalment jekk ma jkunux fost l-aħjar fil-grupp tat-taħriġ tagħhom. Jekk it-tifel jew tifla tiegħek għandhom talent, agħtihom ċans. Hu għalhekk li għandhom kowċis biex jgħinuhom itejbu progressivament, pass wara l-ieħor. Xi tfal iħallu l-isport għax ma jistgħux jimmaniġġjaw il-pressjoni li tkun ġejja mill-eroj tagħhom stess. Ħalluhom jippruvaw u jgawdu l-isports. Hu stil ta’ ħajja.”
Il-programm tax-xitwa #OnTheMove hu sponsorjat minn Kellogg’s, l-ikbar produttur taċ-ċereali tal-kolazzjoni fid-dinja.