Champion tal-ġinnastika bid-Down Syndrome saret mudella ta’ ispirazzjoni madwar id-dinja

Ritratt: Facebook/Chelsea Werner

Chelsea Werner ta’ 22 sena hija champion tal-ġinnastika b’ħiliet li jgħaġġbuk. Kienet erba’ darbiet champion nazzjonali u għandha d-Down Syndrone. Issa tagħtha għall-immudellar ukoll. Xejn ma jaqtgħalha qalbha.

Iż-żagħżugħa minn Kalifornja bdiet tmur għall-ġinnastika biex issaħħaħ il-muskoli għax il-kundizzjoni tagħha dgħajfitha. U issa, wara erba’ snin, Chelsea ħadet sehem fl-iSpecial Olympics. Il-ġenituri tagħha mill-ewwel intebħu bil-ħeġġa li binthom kellha għall-ġinnastika u għalhekk marru għand kowċ  ta’ din l-attività li ammirat kemm Chelsea taħdem bil-qalb biex twettaq ħolmitha.

Ritratt: Instagram/Chelsea Werner

Meta bdiet it-taħriġ iż-żagħżugħa bilkemm setgħet iżżomm il-bilanċ meta timxi ’l quddiem u mbagħad timxi lura. Iżda issa mhux biss kapaċi żżomm il-bilanċ imma anki tagħmel kutrumbajsa b’lura li ħalliet lill-ġenituri tagħha mbellha. Binthom bdiet titħarreġ 16-il siegħa kuljum u l-kowċ tagħha ittrenjata bla ħniena bħalma tagħmel lil dawk kollha li jmorru għandha. Dan it-taħriġ kollu u d-determinazzjoni ta’ Chelea wassalha biex fl-iSpecial Olympics rebħet erba’ championshops nazzjonali u l-ogħla titlu fiċ-championshop tal-Fondazzjoni Internazzjonali tad-Down Syndrome.

Ritratt: Instagram/Chelsea Werner

Bħalissa Chelsea tefgħet għajnejha fuq l-immudellar u s’issa diġà dehret fuq il-qoxra ta’ barra tal-magażin Teen Vogue, immudellat fil-Ġimgħa tal-Moda ta’ New York u ttieħdet f’diversi pajjiżi madwar id-dinja biex tieħu sehem f’reklami ta’ ditti rinomati kbar.

Chelsea qalet li jekk hi kapaċi tagħti t-tama lil xi ħadd fit-twettiq tal-ħolm tagħhom hija tħossha ferħana u kburija.