Chameleon: L-aktar vidjo segwit tal-Eurovision fuq YouTube din is-sena

Ritratt: Andres Putting

B’aktar minn 7.3 miljun view fuq YouTube, il-vidjo tal-kanzunetta Chameleon, li biha Michela Pace se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fit-tieni semi finali tal-Eurovision Song Contest nhar il-Ħamis 16 ta’ Mejju, huwa l-aktar vidjo segwit, mill-vidjos kollha ta’ din is-sena fuq ic-channel uffiċjali tal-Eurovision Song Contest.

Kienet il-kantanta Għawdxija ta’ 18-il sena stess li llum għamlet ringrazzjament fuq il-mezzi soċjali li rringrazzjat lil kulħadd għall-appoġġ li qed jagħtuha f’dan il-vjaġġ li hi ddeskriviet bħala biss il-bidu.

Michela diġà għamlet l-ewwel prova tagħha fuq il-palk tal-Eurovision fl-Tel Aviv fl-Iżrael nhar it-Tlieta, u issa jmiss li tagħmel prova oħra nhar is-Sibt filgħodu. Wara din il-prova, jkun imissha tliet provi oħra ta’ dress rehearsals.

Matul dawn il-jumejn, Michela kienet għaddejja wkoll b’bosta intervisti mal-ġurnalisti akkredetati u l-Ħadd li ġej tkun se tkun qed tipparteċipa mal-parteċipanti kollha tal-Eurovision, għall-avveniment tal-Orange Carpet li se jsir f’Habima Square, magħrufa wkoll bħala The Culture Square.

Wara ssir iċ-ċerimonja tal-ftuħ fil-Habima Theatre, it-teatru nazzjonali tal-Iżrael.

Ritratt: YouTube