Chairperson ġdid għall-Awtorità tax-Xandir

Read in English.

Frank V. Farrugia se jkun iċ-Chairperson ġdid tal-Awtorità tax-Xandir. Farrugia għandu snin twal ta’ esperjenza fit-tmexxija u l-ħidma t’azjendi u t’organizzazzjonijiet pubbliċi kif ukoll privati. Huwa kien President tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

Huwa beda l-karriera tiegħu fid-dipartiment tal-inġinerija ma’ Rediffusion Malta Ltd. Huwa kien maħtur ukoll bħala Direttur tal-Eurochambers, li tirrapreżenta 20 miljun negozju madwar l-Ewropa.

Frank Farrugia ġie maħtur bħala Chairperson skont l-Artiklu 118 (2) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. Dan ifisser li ċ-Chairperson ikun maħtur mill-President ta’ Malta fuq il-parir tal-Prim Ministru wara li jkun ikkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Farrugia nħatar Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir wara li Martin Micallef miet fl-1 t’Ottubru li għadda. Huwa kien ilu Chairperson mill-24 t’April 2017. Il-Prim Ministru sellem il-memorja tiegħu.