Filmat: “Qed tirredikola lill-Qorti” – Delia lill-AĠ

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Avukat Ġenerali Peter Grech qed jirredikola lill-Qorti Kostituzzjonali wara li l-Avukat Ġenerali qal li ħafna drabi l-kawżi jinfetħu għall-gazzetti. Skont il-Partit Laburista Delia qed itawwal il-proċess.

Illum kompliet tinstema’ il-Kawża Kostituzzjonali miftuħa mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li biha qed jitlob kopja sħiħa tal-inkjesta li saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant.

Delia offiż bil-kummenti tal-AĠ

Delia saħaq li jinsab offiż bil-kummenti tal-Avukat Ġenerali. Spjega li dan ifisser li l-Avukat Ġenerali qed jirredikola l-Qorti Kostituzzjonali. Waqt li kien qed jixhed, Delia semma kif l-Avukat Ġenerali ta kopja tal-inkjesta sħiħa lill-Prim Ministru biex Muscat ikun jista’ jaqdi d-dmirijiet tiegħu. Il-Kap tal-Oppożizzjoni fisser li bl-istess kejl, hu għandu jkollu aċċess għall-istess rapport. Fil-Qorti Delia spjega x’jinvolvi l-irwol tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, fosthom li jiskrutinizza dak li jagħmel il-Gvern. Qal li jaqdi d-dmirijiet tiegħu permezz tal-informazzjoni li jkollu f’idejh. Fi kliem Delia, li kieku Muscat ingħata kopja tal-konklużjonijiet prinċipali, dan kien ikun biżżejjed.

F’Lulju Delia kien ħabbar se jqabbad konsulenti legali u se jiftaħ kawża kontra l-Avukat Ġenerali wara li dan baqa’ ma tahx kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta li lesta l-Maġistrat Aaron Bugeja.

Differenza bejn PM u Kap tal-Oppożizzjoni – AĠ

Fl-istess seduta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li hemm differenza bejn l-irwoli tal-Prim Ministru u dak ta’ Kap tal-Oppożizzjoni u li inkjesta maġisterjali ma ssirx għal skop politiku. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali staqsa wkoll lil Delia jekk għandux fiduċja fil-Maġistrat Aaron Bugeja, liema mistoqsija l-Imħallef iddikjara li ma kienetx ammissibbli. L-Imħallef qal li l-fiduċja ta’ Delia f’Maġistrat kienet “assulutament irrelevanti”.

L-avukati ta’ Delia lmentaw dwar il-fatt li kellhom jissottomettu lista tax-xhieda qabel ma jaraw il-lista ta’ xhieda tal-Avukat Ġenerali. L-avukati ta’ Delia talbu biex jixhed il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat fil-kawża. Intant, Delia baqa’ jinsisti li hemm bżonn li din tiġi ppubblikata sabiex kulħadd jitqies ugwali u l-ebda mexxej ma jingħata prijorità fuq ieħor.

Il-każ se jkompli jinstema’ fil-11 ta’ Settembru fl-10 am.

23 xhud – PL

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li Adrian Delia qed itawwal il-proċeduri fil-Qorti billi ppreżenta 23 xhud. Skont il-PL, l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil mhux qiegħed fuq din il-lista.

Skont il-PL, Delia qed jgħix kontradizzjoni fejn filwaqt li  jipprova jintgħoġob mal-fazzjoni li allegatament ħolqot din il-gidba, fl-istess ħin quddiem il-Qorti kellu jerġa’ jammetti li l-konklużjonijiet dwar din il-gidba mhux se jinbidlu.