Ċertifikati tat-twelid bla ġeneru għandhom ikunu l-eċċezzjoni – l-Arċisqof

Arċisqof-Charles-Scicluna1

L-Arċisqof Charles Scicluna wissa li emendi li qed jiġu diskussi fil-Parlament li jikkonċernaw l-identità ta’ tfal li jitwieldu intersex – li jagħtu lok li l-ġeneru ta’ tfal ma jiġix imniżżel fiċ-ċertifikat tat-twelid – għandhom jintużaw biss fil-każi eċċezzjonali fejn hemm bżonnhom.

Dawn l-emendi huma nklużi f’abbozz li jemenda l-Kodiċi Ċivili u li jinkludi numru ta’ miżuri oħra, inkluż li jwessa’ l-għażla ta’ kunjomijiet li jistgħu jintagħżlu maż-żwieġ u li jħalli l-użu ta’ ittri Maltin fl-ismijiet uffiċjali mniżżla fir-Reġistru Pubbliku. L-abbozz ġie approvat fit-tieni qari tiegħu, għalkemm mistenni jiġi amendat fl-istadju ta’ kumitat qabel ma jsir liġi.

Is-segretarji parlamentari Alex Muscat u Rosianne Cutajar enfasizzaw li l-possibilità li ma jitniżżilx il-ġeneru tat-tfal f’ċertifikat tat-twelid ġie maħsub biex tħares l-interessi ta’ tfal li jitwieldu intersex. It-tnejn li huma għarfu li każi bħal dawn huma pjuttost rari – skont Muscat, ikun hemm madwar twelid wieħed kull sena.

Fuq Twitter, l-Arċisqof Scicluna ma indika l-ebda oġġezzjoni għall-użu ta’ din il-proviżjoni fejn ikun hemm bżonnha.

Però, żied jgħid l-Arċisqof, “wieħed jittama li l-prinċipju ewlieni jibqa’ l-aħjar interess tal-wild, u li każijiet eċċezzjonali ma joħolqux bażi ġenerali.”

Fl-2015, Malta kienet l-ewwel pajjiż li pprojbixxa operazzjonijiet fuq trabi intersex, li spiss isiru biex ġisimhom jikkonforma ma’ ġeneru jew ieħor. Operazzjonijiet simili ma jistgħux aktar isiru mingħajr il-kunsens infurmat tal-persuna kkonċernata.