Ċertifikati għad-29 playworker li lestew il-kors

DOI - Jason Borg

Id-29 playworker li temmew is-sessjonijiet għall-iżvilupp professjonali ngħataw iċ-ċertifikat mill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li fiċ-ċerimonja Bartolo rringrazzja u feraħ lill-playworkers għax-xogħol siewi tagħhom u saħaq dwar l-importanza li lit-tfal jingħataw esperjenza edukattiva b’mod differenti u permezz ta’ logħob edukattiv.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi Dermot Galea rrefera għal dan il-kors bħala mezz kif jintlaħqu l-bżonnijiet tal-ħaddiema fi ħdan il-Fondazzjoni li timpjega mijiet ta’ playworkers għal Klabb 3-16 u għal Skolasajf. L-għan tal-kors hu li jgħin playworkers prospettivi jidentifikaw opportunitajiet ta’ tagħlim, jiżviluppawhom f’attivitajiet sinifikanti u jimplimentawhom bl-aħjar mod possibbli.

Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi u l-Institute for Education bħalissa għaddejjin bil-ħames kors li hu mifrux fuq numru ta’ ġimgħat u li jinkludi lezzjonijiet, esperjenzi ta’ xogħol, u kors tal-ewwel għajnuna. Dawn is-sessjonijiet qed iservu ta’ opportunità għal  dawk l-applikanti mħajra jimmaniġġjaw grupp ta’ tfal f’ambjent ta’ wara l-iskola.

L-applikazzjonijiet għall-kors li jmiss huma miftuħa.