Esklussiva: “Ċerta mill-akkużi kontra sid Pilatus Bank; nitlob lil Alla jgħinu” – Efimova

Maria Efimova, il-whistleblower fil-każ Egrant u eksimpjegata tal-Bank Pilatus, qalet li mill-informazzjoni li għandha hi, sid il-Bank Pilatus hu verament ħati tal-akkużi li wasslu għall-arrest tiegħu fl-Istati Uniti. Madanakollu stqarret li titlob li Alla jgħinu, għax issa taf xi tfisser tkun maqfula f’ċella.
Dan qalitu dalgħodu f'intervista esklussiva waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, propjament fl-ewwel intervista live li qatt tat fuq stazzjon tar-radju f'Malta.
Is-sid u l-eksċermen tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad jinsab akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża l-Veneżwela biex jgħaddi mal-€94 miljun mill-Istati Uniti għall-Iran.
Efimova spjegat kif waqt is-smigħ tal-estradizzjoni tagħha fil-Qorti Griega ddiskutew numru ta’ raġunijiet għalfejn hi m’għandhiex tintbagħat Malta, fosthom ir-rispett lejn il-liġi f’Malta, l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja mill-Gvern Malti, li missierha kien ġie mhedded minn investigaturi privati u li fi kliemha f’Malta jidher li huwa faċli ħafna li wieħed jitfa’ bomba f’karozza jew appartament ta’ xi ħadd.
Waqt l-intervista rrakkontat kif wara riċerka li għamlet, irnexxielha ssib li politiku Malti, elett fil-Parlament, kien dak li kkummissjona l-investigazzjoni li wasslet għat-theddid ta’ missierha.
Efimova kompliet issostni li filwaqt li tħossha sigura fil-Greċja, hi temmen li jekk ikollha tiġi Malta din is-sigurtà tisparixxi.
L-intervista ma' Efimova saret minn Fr Joe Borg u Manuel Delia.