Ċert li rajt kollox meta żort l-Imdina?

Permezz tat-teknoloġija wieħed jista’ jżur b’mod virtwali t-teżori li jinsabu fil-Katidral tal-Imdina, il-Mużew u anke l-Arkivju tiegħu, bil-għan li meta jmur sal-Belt siekta jitħajjar jara b’għajnejh ir-rikezzi kulturali u uniċi li jinsabu f’dawn il-postijiet.
Dan huwa parti mill-proġett li nieda fil-bidu tas-sena l-Kapitlu Metropolitan tal-Imdina li l-għan prinċipali tiegħu ma kienx biss li jippreserva l-patrimonju nazzjonali li wieħed isib fil-Katidral, fil-Mużew u fl-Arkivji imma wkoll biex dan isir aktar aċċessibli għall-pubbliku
L-ewwel fażi tal-proġett tinkludi sistemi interattivi ta’ multimedia miġbura fi tliet siti ddisinjati għal dawn l-entitajiet.
Dawn is-siti qed jagħmlu użu mit-teknoloġija ta’ virtual tours, fotografija bid-drone, dokumentarji u video trailers li jqanqlu kurżita u jħeġġu aktar lill-pubbliku biex iżur dawn il-postijiet.
Fost il-patrimonju li wieħed isib fil-Katidral u l-Mużew tiegħu hemm pitturi ta’ Mattia Preti, Francesco Zahara u Favrei.
Hemm ukoll kollezzjonijiet uniċi bħal dik ta’ Albercht Durer, kollezzjoni ta'muniti,  set ta’ 15 il-statwa antiki tal-fidda, il-Polittiku li juri siltiet mill-ħajja ta’ San Pawl u oħrajn.
Fi żmien li ġej se tkun imnedija database għall-Arkivju tal-Katidral, li maż-żmien ser tkun qed tikkataloga id-dokumenti kollha li hemm fl-Arikivju.
Dan l-investiment sewa €30,000 u huwa biss l-ewwel fażi minn proġett akbar li jrid itejjeb l-esperjenza tal-viżitaturi fil-Katidral u fil-Mużew, u jagħmel aktar aċċessibli lir-ricerkaturi tal-Arkivju tal-Katidral.
Il-ħsieb huwa li jkunu ntrodotti  audio guides għall-Katidral u l-Mużew u diversi apparat ineterattiv ieħor jgħinu student, riċerkatur u l-viżitatur japprezzaw aktar il-wirt storiku tal-Katidral, il-Mużew u l-Arkivju.
Il-website li ħadet diversi xhur biex imbniet, inħadmet mill-kumpanija Cyberspace Solutions.

Ritratt: Ian Noel Pace