Ċert li ismek qiegħed fir-reġistru elettorali?

Jekk għandek 16-il sena jew aktar, u ismek ma jidhirx fir-reġistru elettorali ppublikat f’Ottubru tal-2017, għandek ċans tapplika sal-31 ta’ Marzu.
Dawk kollha li huma ta’ nazzjonalità Maltija u jew ġejjin minn pajjiżi mill-Unjoni Ewropea huma mħeġġa jagħmlu dan mill-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju Elettorali saħaq li huwa fl-interess tal-votanti rreġistrati li jivverifikaw li id-dettalji personali tagħhom, bħall-isem jew in-numru tad-dar, l-isem tat-triq, kif ukoll in-numru tal-karta tal-identità, kif jidhru fir-Reġistru Elettorali ta’ Ottubru, huma korretti.
Wieħed jista' jagħmel dawn it-tibdiliet filwaqt li japplika simultanjament għall-karta tal-identità elettronika fl-Uffiċċju tal-e-ID Cards għaċ-ċittadini Maltin, u e-Residence Cards għaċ-ċittadini Ewropej.
Ir-reġistri elettorali għall-elezzjonijiet ġenerali, għall-Kunsilli Lokali u għall-Unjoni Ewropea mistennija jkunu ppublikati f’April.
Jekk tixtieq tara jekk intix reġistrat, jew jekk l-informazzjoni tiegħek hix korretta, tista’ tagħmel dan mis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali.