​Ċermen ġdid għall-Bank APS

Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Bank APS li saret illum f'lukanda f'Ħ'Attard, l-azzjonisti tal-bank eleġġew lil Frederick Mifsud Bonnici bħala ċ-ċermen il-ġdid tal-bank, wara l-irtirar ta' Emanuel P. Delia, li kien ilu fil-kariga mill-1999.  Irtira wkoll Joseph C. Caruana, li serva fuq il-bord tad-diretturi tal-bank mill-2004.
Id-diretturi l-oħra ġew ikkonfermati għal sena oħra.  Dawn huma Franco Azzopardi, Laragh Cassar, Alfred De Marco, Arthur Galea Salomone, Victor Gusman, Frederick Micallef, Michael Pace Ross u Martin Scicluna.
L-azzjonisti rringrazzjaw liċ-Ċermen u lid-Diretturi tal-Bank tal-impenn u l-viżjoni tagħhom biex il-Bank illum jinsab fuq sisien sodi b'fergħat u ATMs mifruxa mal-gżejjer Maltin, waqt li kiber billi ħaddan valuri li jagħmluh bank differenti mill-oħrajn, kif urew ir-riżultati finanzjarji stess fl-aħħar snin.
Min hu Frederick Mifsud Bonniċi?
F’karriera ta’ 42 sena, Frederick Mifsud Bonnici kien imsieħeb ma’ PricewaterhouseCoopers sakemm irtira fl-2011.  Huwa serva bħala Ċermen mhux eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Mapfre MSV Life u riċentament bħala direttur mhux eżekuttiv u Ċermen tal-Kumitat tal-Awditjar tal-Medbank Group Limits u s-sussidjarju tiegħu Mediterranean Bank PLC.
Mifsud Bonnici kien ukoll iċ-Ċermen tal-Borża ta’ Malta u President tal-Malta Institute of Accountants. Dam membru tal-Kunsill ta’ dan l-Istitut għal 32 sena.
Iċ-Ċermen il-ġdid tal-APS kien ukoll fuq il-Bord tal-Malita Investments PLC u l-Malta Freeport Corporation Limited.
Filwaqt li żamm il-kariga tiegħu bħala Ċermen mhux eżekuttiv tal-Blevins Franks Trustees Ltd, Mifsud Bonniċi huwa wkoll membru tal-S.M.O.M., l-Ordni Militari Sovrana ta’ Malta.