Ċerimonja dinjituża, protesta ċivili – Ministru Bartolo

Read in English.

Il-Ministru Bartolo f’post fuq Faċebook f’Jum ir-Repubblika awgura li llum ikun hemm kemm ċerimonja dinjituża kif ukoll protesta ċivili. Il-post tal-Ministru Bartolo hija miktuba fil-kuntest li llum Jum ir-Republika jkun hemm diversi ċerimonji fil-Palazz tal-President u nħawi oħra waqt li s-soċjetà ċivili se torganizza protesta quddiem il-Qorti u l-mafkar spontanju għal Daphne Caruana Galizia.

Il-Ministru jibda l-post tiegħu billi jikteb li “mhux sew li ftit nies tal-flus jinqdew bil-politika u bil-kriminali biex jaħtfu pajjiż sħiħ u jagħmluh qisu negozju privat tagħhom.”

It-tema dwar ir-rabta bejn politiċi, ngozjanti u kriminali kienet waħda mit-temi li kiteb ħafna dwarhom il-Ministru Bartolo fil-ġranet li għaddew meta fil-Qorti ħarġet xhieda li rabtet kriminali, negozjanti u nies fil-politika fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Xogħol mhux rebgħa

Il-Ministru Bartolo awgura li llum jgħaddi b’wiċċ il-ġid u “li nuru li aħna pajjiż ċivilizzat u diċenti fejn jista’ jkollna kemm ċerimonja dinjituża kif ukoll protesta ċivili.”

Bartolo jikkwota l-Kostituzzjoni li tgħid li pajjiżna huwa Repubblika mibnija fuq ix-xogħol. Iżda jikteb li allura mhux mibjina fuq ir-regħba.

Isostni li għandha bżonn stat jaħdem sew u soċjetà ċivili ħajja li żżomm l-istat taħt il-lenti.

Bartolo jfakkar li 45 sena ilu twieldet ir-Repubblika li huwa jqisha bħala pass ieħor importanti fil-mixja tagħna bħala poplu.

Lejn Repubblika ġdida

“Wasal iż-żmien”, ikompli jikteb “li naraw kif inwelldu Repubblika ġdida biex pajjiżna jitmexxa aħjar b’istituzzjonijiet differenti jagħmlu xogħol b’mod indipendenti minn xulxin biex jaraw li pajjiżna jitmexxa b’ġustizzja u ugwaljanza.”

Jammetti li llum qed niċċelebraw dan il-jum f’ċirkustanzi diffiċli li jgħid “irridu noħorġu minnhom għall-ġid tal-poplu tagħna.”

Fil-konklużjoni tiegħu jgħid li:

“Ilkoll għandna sehem x’nagħtu biex tassew inħaddmu l-politika b’mod ġdid, mhux bħala slogan li gie abbużat ħafna, iżda biex il-ħafna nies onesti li għandna f’pajjiżna ta’ fehmiet differenti, minn oqsma tal-ħajja differenti, isibu mod kif jaħdmu flimkien biex nagħmlu pajjiżna aħjar u li nkunu kburin bih, fostna u fid-dinja.”