Ċerimonja b’talb għas-Sinodu fil-Kattidral tal-Brażil ittimbrata bħala attività xellugija

Nies miġbura barra l-Kattidral ta' Sao Paolo fil-Brazil

Ċerimonja inter-reliġjuża li saret fil-Kattidral ta’ Sao Paolo fil-Brazil, b’appoġġ għas-Sinodu tal-isqfijiet dwar l-Amazonia kienet kritikata u deskritta bħala waħda maħsuba biex tgħatti l-attiviżmu xellugi fil-Knisja.

Fl-aħħar tax-xahar din iċ-ċerimonja kienet organizzata minn koalizzjoni inter-reliġjuża u fiha ħa sehem il-Kardinal Odilio Scherer, l-Arċisqof ta’ Sao Paolo u l-Kardinal Claudio Hummes, President tal-Grupp Ekklesjastiku tal-Amazonia li bħalissa qed jagħmilha ta’ relatur ġenerali tas-Sinodu li qed jiltaqa’ f’Ruma.

Fiċ-ċerimonja ħadu sehem ukoll mexxejja ta’ reliġjonijiet oħra, fosthom Lhud, Musulmani u denominazzjonijiet insara oħra.

Iċ-ċerimonja bdiet bil-qari ta’ dokument li nkiteb flimkien mill-mexxejja reliġjużi li kkritikaw il-kampanja ta’ xi konservattivi kontra s-Sinodu.

Kien pubblikat video li juri li xi wħud minn dawk li attendew għaċ-ċerimonja qed iġorru kartelluni bil-kliem “Free Lula”.  Dan hu slogan li qed jintuża f’kampanja mill-parti ċentru-xellugi li mexxa l-Brazil bejn l-2003 u l-2016 li qed jitlob għall-ħelsien tal-ex President Lui Inacio Lula da Silva li ntbagħat il-ħabs is-sena li għaddiet wara li nstab ħati ta’ tixħim.

Xejn politika

Dan il-video tpoġġa fuq l-internet u fi ftit jiem rawh eluf ta’ persuni u kien hemm min sejjaħ din iċ-ċelebrazzjoni bħala rpfonazzjoni tal-Knisja u akkużaw is-Sinodu dwar l-Amazonia li ixaqleb favur il-Partit tal-Ħaddiema. Kien hemm min kiteb fuq il-media soċjali li “Is-Sinodu dwar l-Amazonia hu politikament imxaqleb.  Il-Knisja mhix palk politiku! Tibqgħux tgħidu ereżijiet”.

L-għada ta’ dan l-avveniment l-Isqof Scherer ħareġ stqarrija li fiha qal li fiċ-ċerimonja ma kien hemm ebda riferenza biex jinħeles l-ex President, Lula. “Wara li jien ħriġt mill-Kattidral, fuq il-media soċjali rajt ritratti ta’ xi banners f’żona laterali tal-Knisja bil-kliem “Free Lula.  Dak kien xogħol xi ħadd li ħa vantaġġ mill-mument. Imma dan ma kienx parti mill-organiżazzjoni taċ-ċerimonja inter-reliġjuża”, intqal fl-istqarrija.

Huwa qal li fil-laqgħa ma tkellem ebda politiku u ma ssemma isem ebda politiku. Kollox sar b’serenità kbira u bla ebda tfixkil. Dawk li qed jgħid li qed jgħid li din kienet taħwida u profanazzjoni, huma bogħod mill-verità. Min qed jgħid dan qed jigdeb”, sostna l-Kardinal.

Djalogu u kollaborazzjoni

Hu qal li ħadd ma nżamm milli jidħol fil-Kattidral min-naħa tal-organizzaturi. L-iskop tal-laqgħa kien li jintwera apprezzament għas-Sinodu tar-reġjun tal-Amazonia. Hu appella għad-djalogu u l-kollaborazzjoni biex jinstabu soluzzjonijiet għall-ħafna problem li jeżistu u biex isiru affarijiet li huma mportanti “għad-Dar Komuni” li għandna nieħdu ħsiebha.

Is-Sinodu dwar l-Amazonia sab ħafna Kritika mill-konservattivi minħabba li jista’ japprova li jkun hemm qassisin miżżewġa, l-enfasi li qed issir fih dwar kwestjonijiet ambjentali u l-ġlieda għad-drittijiet tal-popli indiġeni.

Il-Gvern konservattiv tal-Brażil tal-President Bolsonaro qal li qed isegwi s-Sinodu biex jara li dan ma jidħolx fis-sovranita tal-pajjiż li jifforma 60% tar-reġjun tal-Amazonia. Hu kellu laqgħa mal-Arċisqof Giovanni d’Aniello, ir-rappreżentant tal-Papa fil-Brazil.