​Ċentru tad-distribuzzjoni tad-dawl ġdid fl-Imrieħel

L-Enemalta se jkollha ċentru ġdid għad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-Imrieħel.
Intqal li dan qed isir biex tkompli titjieb il-flessibiltà u s-sigurtà tal-provista tad-dawl fl-inħawi ta’ Birkirkara, Santa Venera u l-Imrieħel.
Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni fiż-żona industrijali tal-Imrieħel se jkun jista’ jilqa’ għaż-żieda fid-domanda mistennija minn għadd ta’ żviluppi residenzjali, industrijali u kummerċjali ppjanati f’dawn l-inħawi għas-snin li ġejjin.
Dan l-iżvilupp se jkun il-ħames ċentru tad-distribuzjoni ġdid li Enemalta se żżid sal-aħħar tal-2017. Tliet ċentri tad-distribuzzjoni oħrajn f’Manoel Island, il-Marsa u x-Xewkija waslu fl-aħħar fażi biex ikunu jistgħu jinxtegħlu din is-sena.
L-Enemalta qalet li ċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni ta’ St Andrew’s inxtegħel u bħalissa jinsab fl-aħħar testijiet qabel ma jiġi kkummissjonat għal kollox.