Ċentru tad-data ġdid u avvanzat għall-APS Bank

Fl-1 ta’ Lulju, 2018 l-APS Bank beda jopera ċentru tad-data ġdid offsite, li huwa ddiżinjat biex ilaħħaq faċilment mal-ħtiġijiet dejjem jikbru tas-sistemi u tan-negozju tal-Bank. Din il-faċilità avvanzata hija mfassla biex taħdem skont l-aqwa prattiċi internazzjonali għaċ-ċentri tad-data fejn jidħlu s-sigurtà, l-ergonomika, il-kapjenza ta’ riżerva, u r-robustezza tas-sistema, waqt li fl-istess ħin tirrispetta l-ambjent.

Ix-xogħol tal-bini u dak anċillari sar taħt is-sorveljanza tas-Support Department tal-Bank, li ħa ħsieb iħejji s-sit bil-faċilitajiet kollha neċessarji biex fih jitqiegħdu s-servers tas-sistema. Il-Project Manager, Josef Cilia, ikkummenta hekk: “Ir-riżultat aħħari juri kemm kien hemm ippjanar dettaljat, xogħol sod, bi professjonaliżmu u dedikazzjoni mit-tim tal-proġett u bl-appoġġ tal-imsieħba preġjati tal-Bank fil-qasam tat-teknoloġija. B’dawn l-ingredjenti kollha kien possibbli li proġett daqstant kompless u delikat seta’ jasal biex jitwettaq fiż-żmien stipulat.”

“Irnexxilna noħolqu ċentru tad-data li huwa modern u li jlaħħaq mal-futur, ċentru li se jħaffef il-pass diġà mgħaġġel tat-tkabbir tal-Bank u li hu neċessarju biex il quddiem jitwettqu proġetti oħra, speċjalment dawk li jidħlu fl-arena diġitali”, qal Jonathan Caruana, il-Kap tat-Teknoloġija tal-APS Bank.