Ċentru ta’ matul il-jum ġdid f’San Vinċenz għal anzjani b’dipendenza għolja

DOI - Kevin Abela

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis inawgura l-ewwel ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani b’dipendenza għolja f’San Vinċenz de Paul.

Agius Decelis qal li din il-faċilità se toffri ambjent sigur għall-anzjani sabiex dawn jgħixu b’dinjità u bi kwalità ta’ ħajja għolja fejn se ssir promozzjoni tal- parteċipazzjoni fiżika, soċjali, kulturali u reliġjuża; minbarra l-inizjattivi li t-tmexxija ta’ din il-faċilità toħloq sabiex tħeġġeġ l-anzjanità attiva u l-inklużjoni.

Intant, fid-diskors tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-faċilita, Dr Josianne Cutajar, sostniet li l-ħajja tal-anzjani meta jidħlu fir-residenza għandha tkompli b’mod ħolistiku. Qalet li bħalissa f’San Vinċenz hemm aktar minn 1,100 resident u 1,800 ħaddiem.

Permezz ta’ dak li qed jissejjaħ Silver Hub, anzjani b’dipendenza se jkollhom l-opportunità li jgawdu minn programmi u minn attivitajiet diversi. Ir-resdienti se jkunu jistgħu jissoċjalizzaw u jasmu l-ħsibijiet, l-esperjenzi u tagħlim tagħhom flimkien ma’ residenti oħra f’ambjent li jilqgħek u skont il-bżonnijiet tagħhom.