Ċentru għall-anzjani biex jitħarrġu fil-ganutell, fit-teknoloġija u fl-arti

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Justyne Caruana fetħet uffiċjalment l-ewwel ċentru għall-anzjanità attiva f’Għawdex, li jinsab fix-Xewkija. 
Dan iċ-ċentru ġie addattat apposta għall-anzjani fejn sar permezz ta’ ftehim bejn is-Segretarjat Parlamentari, il-Kunsill Lokali tax-Xewkija u s-Soċjetà Filarmonika Prekusur tax-Xewkija.
L-anzjani se jkollhom l-opportunità li jsegwu programm ta’ Life Long Learning varjat b’bosta attivitajiet fosthom taħriġ fil-ganutell, fit-teknoloġija diġitali, fl-arti, fir-reliġjon u fil-ġrajjiet kurrenti, fost oħrajn.
Fit-tnedija ta’ dan iċ-ċentru, is-Segretarju Parlamentari esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li kien hemm interess qawwi u dan juri l-bżonn u d-domanda għas-servizzi tal-komunità f’Għawdex ukoll.