Propjetà tal-Knisja f’Ħal Safi se ssir ċentru għall-anzjani bid-dimensja

Knisja.mt/ritratti

Read in English.

Ġie ffirmat ftehim sabiex propjetà tal-Knisja f’Ħal Safi ssir ċentru ta’ matul il-jum għal persuni li jbatu bid-dimensja. Dan se jkun l-ewwel ċentru Malti li joffri servizz matul il-jum u billejl.

Dan iċ-ċentru għandu jservi wkoll ta’ xelter għall-anzjani u għal dawk li jbatu bid-dimensja, sabiex ma jitħallewx waħedhom filgħaxija u tul il-lejl.

Il-ftehim huwa għal 25 sena, u ġie ffirmat ilbieraħ minn Roberto Buontempo f’isem l-Arċidjoċesi ta’ Malta u Dr Renzo Degabriele f’isem id-Direttorat għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

Fid-diskors tiegħu, il-Kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Safi, Dun David Farrugia, qal li ispirati mill-Papa Franġisku fil-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena tal-2016, il-parroċċa bdiet taħdem fuq l-idea li din il-binja tal-parroċċa terġa’ tibda tintuża biex tgħin lil dawk li huma fost l-aktar vulnerabbli. Il-Kappillan qal li din il-binja se tgħin ukoll lil dawk l-anzjani li qed ibatu mis-solitudni.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, qal li dan huwa proġett socjali iehor li qed jitwettaq fi propjetà tal-Knisja għall-benefiċċju ta’ dawk l-aktar fil-bżonn fis-soċjetà Maltija, b’kollaborazzjoni mal-kunsill lokali u l-Gvern ċentrali.