Ċentru ġdid tal-Caritas fi Blata l-Bajda

Ġie ffirmat ftehim għal ċentru komunitarju ġdid tal-Caritas fil-Blata l-Bajda.

Dan il-ftehim ġie ffirmat bejn is-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali u l-Fondazzjoni Caritas Malta. Il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.

Il-proġett se jseħħ b’investiment ta’ €4.5 miljun. Ix-xogħol infrastrutturali fuq iċ-ċentru ġdid għaddej bħalissa. Dan iċ-ċentru se jkun għal nies bi problema ta’ vizzji jew abbuż, li jistgħu jwasslu għal riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia qal li permezz ta’ dan il-proġett, in-nies li għandhom bżonn dan iċ-ċentru se jgawdu mill-ġid tal-pajjiż. Il-President Emeritu George Abela, li qed imexxi l-proġett, qal li dan iċ-ċentru jagħti xhieda ta’ kif Caritas Malta tgħin lill-persuni fil-bżonn. Minn naħa tiegħu, id-Direttur tal-Caritas Malta Anthony Gatt, qal li Caritas Malta minn dejjem kellha fil-ħsieb tagħha Ċentru fil-komunità. Dan biex jilqa’ għall-bżonnijiet ta’ individwi u familjari f’diffikultajiet soċjali u varji.