Ċentru ġdid ta’ matul il-jum għall-ħarsien tat-tfal

Il-Knisja f’Malta se tmexxi ċentru ġdid ta’ matul il-jum għall-ħarsien tat-tfal. Dan iċ-ċentru se jiftaħ fid-Dar Qalb ta’ Ġesù, Santa Venera.
Iċ-ċentru bl-isem ‘Arzella’ se jiġi inawgurat fl-1 ta’ Settembru u se jilqa’ fiħ tfal ta’ taħt it-tliet snin.
Għal dawn l-aħħar għoxrin sena, il-Knisja f’Malta fetħet u mexxiet ħames ċentri bħal dawn għal tfal li ma jkollhomx ħtieġa jidħlu f’dar residenzjali. Dawn tniedew bil-koperazzjoni ta’ diversi ordnijiet reliġjużi, l-Uffiċċju Ċentrali ‘Ejjew Għandi’ u bosta benefatturi.
Iċ-Ċentru l-ġdid se jinfetaħ riżultat tal-kollaborazzjoni mal-Knisja f’Malta u se jiġi ffinanzjat mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi.
Dan se jitmexxa kollu kemm hu minn lajċi kwalifikati.
Dan il-proġett jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċċju ċentrali ‘Ejjew Għandi’, li jikkoordina l-ħidma tad-Djar tat-Tfal filwaqt li flimkien mal-Ordinijiet Reliġjużi u l-aġenżiji tal-Istat jgħin fl-iżvilupp u fil-kura tat-tfal u taż-żgħażagħ.