Ċentru ġdid iddedikat għall-klijenti tal-BOV

Iċ-Chairman tal-BOV Deo Scerri akkompanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-BOV Mario Mallia għamlu żjara qasira fuq is-sit tal-kostruzzjoni taċ-Ċentru l-ġdid għall-Klijenti Personali u Kummerċjali f’Santa Venera. Iċ-Ċentru, li jinsab faċċata tal-Kwartieri Ġenerali tal-Bank fi Triq il-Kanun Santa Venera se jkun qed jiġbor fih iċ-Ċentru Korporattiv tal-Bank u d-diviżjoni tal-Wealth Management.
Filwaqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-progress irreġistrat sa issa, is-Sur Scerri qal li, “Is-servizz eċċellenti li jingħata lill-klijenti dejjem kien il-marka kummerċjali tal-Bank of Valletta. Aħna ninsabu impenjati biex niżguraw li dan jibqa’ minnu, fil-mezzi kollha li bihom il-Bank joffri s-servizzi tiegħu, b’mod speċjali f’dawk l-unitajiet li jiffaċċjaw il-klijenti. Dan iċ-Ċentru se jkollu fih żewġ funzjonijiet li joffru servizzi ta’ livell għoli lill-klijenti personali u korporattivi tal-Bank. Qed isiru l-isforzi kollha biex jiġi żgurat li dan il-bini b’teknoloġija avvanzata joffri l-konvenjenza u l-flessibbiltà adegwati li l-klijenti tagħna jistennew mis-sieħeb finanzjarju tal-għażla tagħhom.”