Ċentru ġdid għaż-żgħażagħ fuq talba tal-istudenti

Fit-28 ta’ April li għadda is-sorijiet Agostinjani fil-Gżira fetħu ċentru ġdid li fih jilqa’ studenti li jkunu spiċċaw jattendu l-iskola tagħhom. Għal din l-inawgurazzjoni kien hemm preżenti l-Isqof Joseph Galea Curmi. Dan il-grupp iġib l-isem ta’ 16+.

Il-Madre Provinċjali Sr Rachel Frendo qalet li kienu ħafna dawk l-istudenti li fl-aħħar taż-żmien tagħhom ġewwa l-iskola ġew konxji li mhux se jiltaqgħu aktar. Għal din ix-xewqa, is-sorijiet ikkonvertew basement f’post fejn dawn l-istudenti jkunu jistgħu jiltaqgħu u flimkien jorganizzaw laqgħat ta’ diskussjoni, talb, riflessjonijiet u sleep overs fost affarijiet oħra.

Dawn it-tfajliet żgħażagħ ġew ispirati mill-ħajja ta’ Jerome Frendo, il-ġuvni ta’ 20 sena li miet wara li ġġieled il-battalja tal-kanċer b’mod eżemplari. Sr Veronica Gerada kitbet ktieb bl-isem ta’ Jerome li se jkun għall-użu kemm tal-grupp kif ukoll ta’ żgħażagħ oħra. Dan il-ktieb se jkun għall-bejgħ fil-ħwienet kollha tal-Agenda fil-jiem li ġejjin u kull qliegħ minnu se jmur għall-fondazzjoni Smiling with Jerome.