Ċentru ġdid għall-Enemalta biex ittejjeb id-distribuzzjoni tal-elettriku

Enemalta plc fetħet ċentru ta’ ppjanar u kontroll tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li jinkludi aktar teknoloġiji ġodda bil-għan li l-operaturi jkunu jistgħu jtejbu l-kwalità tas-servizzi tal-elettriku.
Dan iċ-ċentru, ġie inawgurat mill-Arċisqof Charles Scicluna u l-inġinier Fredrick Azzopardi.
Iċ-ċentru jinsab fil-Bini Amministrattiv tal-Kumpanija fil-Marsa u huwa parti minn investiment ta’ aktar minn €5 miljun f’teknoloġiji ġodda għall-kontroll aħjar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Fi stqarrija, Enemalta PLC spjegat li grupp ta’ inġiniera se jkunu f’dan iċ-ċentru 24 siegħa kuljum, anke fil-Ħdud u festi, biex kontinwament jikkontrollaw u jissorveljaw l-operat tas-sistema tad-distibuzzjoni, fosthom iċ-ċentri tad-distribuzzjoni f’Malta u Għawdex u għadd ta’ installazzjonijiet oħra.
L-inġiniera huma mħarrġa biex f’każ ta’ xi diffikultà, jintervjenu mill-ewwel billi jixgħelu konnessjonijiet alternattivi u jerġgħu jagħtu l-provvista tal-elettriku lill-klijenti fl-inħawi affettwati fl-iqsar ħin possibbli.
Apparti minn hekk, minn dan iċ-ċentru, l-inġinera se jikkordinaw xogħlijiet ta’ tiswijiet, manutenzjoni jew tkabbir tas-sistema tad-distribuzzjoni li jkunu għaddejjin lejl u nhar, f’għadd ta’ nħawi minn timijiet ta’ ħaddiema oħra.
Dan apparti studji li se jkunu qed isiru biex l-inġiniera janalizzaw it-tibdil fil-konsum tal-elettriku f’partijiet differenti ta’ Malta u jippjanaw bil-quddiem x’investiment ikun meħtieġ biex is-sistema tibqa’ dejjem tilqa’ għad-domanda tal-klijenti.
Fost affarijiet oħra, qed tiġi installata sistema ġdida ta’ sorveljanza kompjuterizzata b’aktar minn 700 kameras fl-instalazzjonijiet ewlenin tas-sistema tad-distribuzzjoni. B’hekk minn post wieħed, Enemalta tkun tista’ ssegwi l-installazzjonijiet u l-apparat tas-sistema madwar il-pajjiż.