​Ċentru ġdid għal titjib fl-edukazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) għażlet lid-Dipartiment tal-Farmakoloġija u t-Terapewtiċi fi ħdan l-Università ta’ Malta bħala Ċentru ta’ Kollaborazzjoni tal-WHO għall-Edukazzjoni u r-Riċerka tal-Professjonisti tas-Saħħa.
Fi stqarrija, l-Università ta’ Malta qalet li l-WHO se tkun qed tagħmel użu mill-għarfien u l-esperjenza tad-Dipartiment. Dan id-Dipartiment  se jkun qed jgħin il-programm tal-WHO fl-Ewropa dwar ir-Riżorsi Umani.
L-istituzzjoni ġiet rikonoxxuta bħala waħda b’livelli xjentifiċi u tekniċi għoljin.
Fl-indirizz tagħha fil-ftuħ taċ-Ċentru fit-30 ta' Mejju, il-Professur Maria Cordina li se tkun il-Kap taċ-Ċentru spjegat kif iċ-Ċentru se jaħdem biex itejjeb l-edukazzjoni li jirċievu l-professjonisti tas-saħħa.
Qalet li d-Dipartiment introduċa metodi biex isaħħaħ it-tagħlim bejn il-professjonisti differenti fejn jitgħallmu wkoll aktar dwar il-kontribut li jagħtu l-kollegi tagħhom.
Skont Prof. Cordina, peress li se jkun hemm grupp fundamentali wieħed li jgħallem lill-istudenti, dan se jippromwovi l-użu ta’ lingwaġġ komuni b’rabta mal-mediċini.
Cordina qalet li l-għanijiet taċ-Ċentru huma li :

  • Jappoġġja lill-WHO fir-riċerka
  • Joffri assistenza teknika fl-edukazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa
  • Jipparteċipa f’laqgħat mal-WHO

Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella qal li “d-Dipartiment qed jistabbilixxi l-istandards dwar kif jinħoloq ċentru edukattiv ta’ eċċellenza.”
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li “Malta llum m’għadiex biss pajjiż membru tal-WHO imma pajjiż fejn hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn iż-żewġ partijiet tant li l-Gvern għadu kif iffirma ftehim li permezz tiegħu l-WHO se tkun parteċipi fil-pjan tal-Gvern għar-riġenerazzjoni tas-saħħa mentali f'Malta u li fih hemm ukoll il-kollaborazzjoni ta’ BARTS.”
Ritratt: DOI – Kevin Abela