Ċentru ġdid għal persuni b’diżabbiltà f’Baħar iċ-Ċagħaq

DOI: Jason Borg

Ġie inawgurat ċentru ieħor ta’ matul il-jum f’Baħar iċ-Ċagħaq, b’investiment ta’ €250,000. Dan hu l-ħdax-il ċentru ta’ Aġenzija Sapport f’Malta u f’Għawdex u l-ewwel wieħed fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.

Tħabbar li dan iċ-ċentru se jagħti servizz lil 17-il żagħżugħ jew żagħżugħa b’diżabbiltà, fl-età bejn it-22 u t-23 sena minn diversi lokalitajiet madwar Malta.   

Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabbiltà qal li f’dan iċ-ċentru ż-żgħażagħ qed jingħataw l-opportunità biex itejbu l-abbiltajiet tagħhom u biex jiżviluppaw ħiliet ġodda bis-sapport personalizzat u bir-riżorsi meħtieġa. Qal li fiċ-ċentri ta’ matul il-jum qed jiżdiedu r-riżorsi. F’Baħar iċ-Ċagħaq, pereżempju, ġew impjegati 10 support workers li jagħtu programmi interattivi liż-żgħażagħ li jattendu dan iċ-ċentru, fosthom it-tagħlim tal-kompjuter, il-ħjata u anke programmi ta’ diskussjoni.  

Iċ-ċentru ta’ Baħar iċ-Ċagħaq hu attrezzat b’apparat tal-gym, bi strumenti professjonali tal-mużika, b’magni tal-ħjata u b’apparat ieħor bħal joysticks għall-kompjuter u laptops.

Agius Decelis qal li ċ-ċentru qed jaħdem biex jistabbilixxi kuntatti li jwasslu biex jinbiegħu prodotti tal-ikel tal-friża magħmula mill-benefiċjarji lil stabbilimenti lokali biex iż-żgħażagħ jitħarrġu fil-ħiliet tagħhom.