Ċentru fejn kienu jsiru esperimenti stil Frankenstein

Ritratti: Investigaturi tal-FBI jiġbru partijiet tal-iġsma mis-sit taċ-Ċentru. Ritratt; WVLT

Ċentru li kien jilqa’ donazzjonijiet ta’ iġsma għar-riċerka f’Phoenix fl-Istati Uniti sar ċentru fejn isiru esperimenti stil ta’ Frankenstein li werwru lil kulmin ra x’kien qiegħed isir fil-post.

Iċ-ċentru bl-isem ta’ Biological Resource Center kien sar rejd fuqu mill-Pulizija fl-2014. Skont ix-xiehda li ħarġet fil-qorti fil-post instabu bramel mimlija riġlejn, cooler mimli bil-partijiet tal-irġiel u ras ta’ mara li kienet meħjuta f’żaqq ta’ raġel. B’kollox kienu nvoluti 1,655 partijiet minn iġsma li kienu mogħtija għar-riċerka … imma mhux dik ir-riċerka li nstab li kienet qed issir bihom.

Il-kawża kontra ċ-Ċentru nfetħet minn 33 familja li stqarrew li l-kumpanija li tmexxih qarrqet bihom meta ġegħlithom jemmnu li l-iġsma tal-maħbubin mejtin tagħhom kienu se jintuża għal riċerka kontra l-mard jew biex isiru donazzjonijiet ta’ organi.

Il-kumpanija biegħet partijiet mill-iġsma u katavri sħaħ għal $10,000 waqt li bagħtu wkoll biċċiet mill-iġsma lid-Dipartiment tad-Difiża Amerikan biex isiru testijiet fuqhom. Xewka tad-dahar kienet tinbiegħ $1,900,  nofs persuna $4,000; riġel sħih $450; rkoppa $375 u id $175.

Stephen Gore ma’ martu u wliedu f’ritratt minn fuq il-paġna tiegħu tal-Facebook

Stephen Gore, ta’ 52 sena, sid il-kumpanija li tmexxi ċ-Ċentru, jingħad li lanqas ma mar f’xi università biex ikollu tagħlim dwar is-suġġett, u wara li għalqulu ċ-Ċentru, fis-sena ta’ wara nstab ħati li kien imexxi negozju illegali.

Gore, li kien bejjiegħ tal-assigurazzjoni, intbagħat sena ħabs sospiża, tqiegħed erba snin taħt probation u mmultat $121,000.  Huwa miżżewweġ u għandu tlett itfal li lkoll talbu biex ir-raġel ma jintbagħatx il-ħabs għal tul ta’ żmien għax ‘hu raġel tal-familja.”

 

Is-sit fejn kien isir il-bejgħ tal-katavri u partijiet ta’ iġsma