Ċentri tad-detenzjoni f’Malta b’nuqqas ta’ aċċess għal dawl u ilma nadif – UN

Aġġornat 11:25 AM
Twitter

L-Uffiċċju għad-Drittijiet Umani fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda sostna li immigranti spjegaw li għamlu xhur twal f’detenzjoni f’Malta bi ftit aċċess għad-dawl tax-xemx, ilma nadif u sanità.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa wara li rappreżentanti tal-istess uffiċċju ġew Malta għal ġimgħa, bejn il-21 u s-26 ta’ Settembru. Dawn iltaqgħu ma’ uffiċjali tal-gvern, sieħba tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, mexxejja tal-komunitajiet tal-immigranti, għaqdiet tas-soċjetà ċivili u 76 immigrant (41 raġel, 22 mara u 13-il tifel u tifla) minn 25 pajjiż differenti.

L-uffiċċju rrimarka li l-immigranti sostnew li ċ-ċentri ta’ detenzjoni f’Malta huma sovrapopolati, hemm kundizzjonijiet ħżiena ħafna u l-kuntatt mad-dinja ta’ barra, inkluż avukati u għaqdiet tas-soċjetà ċivili huwa limitat ħafna. “Tkun il-ħabs fil-Libja, tiġi fl-Ewropa u terġa’ tispiċċa fil-ħabs,” qal immigrant.

Kien spjegat kif ir-rappreżentanti żaru ċentru ta’ detenzjoni magħluq f’Malta fejn sostnew li kien hemm diversi rapporti ta’ persuni li jwettqu self-harm (iweġġgħu lilhom innifishom) jew jippruvaw jikkommettu suwiċidju. Issemmew ukoll id-diversi protesti li saru fiċ-ċentri ta’ detenzjoni fl-aħħar xhur fejn diversi drabi kien hemm bżonn li l-forzi tas-sigurtà tal-pajjiż jissejħu biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bnedmin, Michelle Bachelet qalet li l-pressjoni fuq is-sistema tal-akkoljenza tal-immigranti f’Malta kulħadd jafha u semmiet kif il-pandemija għamlet is-sitwazzjoni li kienet diġà diffiċli aktar gravi. “Il-Gvernijiet qed jaffaċċjaw sfidi kbar minħabba l-pandemija imma minkejja dawn l-isfidi, id-drittijiet umani dejjem għandhom ikunu rispettati, u dawk li jkunu maqfulin ‘il bogħod mill-għajn, m’għandhomx jintesew,” qalet hi.

Bachelet qalet li meta dawn l-immigranti jinħeslu miċ-ċentri ta’ detenzjoni u jmorru fiċ-ċentri miftuħin, huma jibqgħu jaffaċċjaw problemi kbar, inkluż nuqqa ta’ informazzjoni dwar x’se jiġri minnhom u dewmien fil-proċess tal-ażil tagħhom.

“Dak li għaddejjin minnu l-immigranti f’Malta – u f’pajjiżi oħrajn Ewropej – huwa riżultat ta’ sistema falluta ta’ governanza fejn tidħol l-immigrazzjoni, waħda li tfalli milli tpoġġi fiċ-ċentru d-drittijiet umani tal-immigranti u r-refuġjati u li għal żmien twil ilha mtappna minn nuqqas ta’ solidarjetà ma’ stati fuq il-frutniera bħal Malta li qed titħalla terfa’ l-piż kbir tar-resposabbiltà,” qalet Bachelet.

Hi kompliet billi ħeġġet lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri sabiex jassiguraw li l-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil jindirizza dawn l-isfidi b’mod sħiħ u jirriżulta f’approċ komuni li jassigura r-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet umani tal-immigranti u r-refuġjat.

Wara din iż-żjara f’Malta, l-uffiċju talab għal azzjoni urġenti biex tkun indirizzata is-sitwazzjoni gravi tal-immigranti li qed jippruvaw jaqsmu l-baħar Mediterran biex ifittxu pajjiż sigur fejn jistgħu jgħixu fl-Ewropa. Insista li l-immigranti qed jibqgħu jieħdu din ir-rotta għal ħajja aħjar għax hemm nuqqas ta’ modi sikuri u regolari li jgħinuhom isibu ħajja aħjar b’mod aktar sikur u kkontrollat.

Semma kif magħhom bosta persuni ddeskrivew it-tip ta’ vjolenza u nuqqas ta’ sigurtà li affaċċjaw fil-Libja, inkluż detenzjoni, tortura, traffikar, vjolenza sesswali, prekarjat, bejgħ u abbużi u ksur ta’ drittijiet umani. Qal li oħrajn sostnew kif il-Gwardja tal-Kosta Libjana interċettat id-dgħajjes tagħhom huma u jippruvaw jaħarbu lejn l-Ewropa fejn kienu sparati tiri li kkawżaw lid-dgħajsa biex tinqaleb u l-persuni abbord jaqbżu l-baħar f’mument ta’ disprament. Kien hemm ukoll riferiment għal okkażjoni waħda meta l-Forzi Armati ta’ Malta ppruvat tagħmel pushback ta’ dgħajsa lejn il-Libja u okkażjoni oħra fejn dgħajsa kienet intalbet tibdel ir-rotta tagħha biex tmur lejn il-gżira Taljana ta’ Lampedusa.

“Li nkunu umani tfisser li ma ndawwrux wiċċna quddiem it-tbatija tal-oħrajn”

KOPIN, l-għaqda Maltija li taħdem mar-refuġjati kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi oħra, sostniet li wieħed ikun uman ifisser li għandu l-obbligu li ma jdawwarx ħarstu n-naħa l-oħra quddiem it-tbatija tal-oħrajn.

Fi stqarijja mibgħuta dalgħodu, l-għaqda spjegat kif mit-3 ta’ Ottubru tal-2013 sal-lum, mietu jew għebu aktar minn 20,000 immigrant u refuġjat fil-baħar Mediterran.

Qalet li fid-dawl tad-diskussjoni kurrenti dwar Patt ta’ Migrazzjoni Ġdid għall-Unjoni Ewropea, huma qed jappellaw għall-bidla fil-politika ta’ migrazzjoni tal-UE, b’mod li tintwera l-umanità. “Kwalunke patt ġdid m’għandux ikun ibbażat fuq għeluq tal-fruntieri jew deportazzjonijiet, iżda politika li tirrispetta l-valuri fundamentali Ewropej: id-dinjità umana, l-ugwaljanza, id-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem,” insistiet KOPIN.

Sostniet li Malta, b’mod partikolari, trid tirrevedi s-sistema ta’ migrazzjoni tagħha. “Trid issir enfasi ikbar biex ikun hemm djalogu attiv li jiddiskuti l-isfidi reali u mistħajla li l-komunitajiet Maltin qegħdin jgħixu u jiffaċċjaw fil-ħajja ta’ kuljum. Madanakollu, opinjonijiet estremisti u populisti, diskors ta’ mibgħeda u kwalunkwe forma ta’ razziżmu ma jistax ikun parti mill-konversazzjoni,” irrimarkat l-għaqda.

L-għaqda kompliet billi talbet lill-istituzzjonijiet tal-UE biex il-jum tat-3 ta’ Ottubru jintagħraf uffiċjalment bħala l-Jum Ewropew ta’ Tfakkira u Merħba. L-għan ta’ dan il-jum huwa li jfakkar l-imwiet traġiċi fil-baħar Mediterran u li joħloq riflessjoni fuqhom.