Ċentri għat-tfal biex jgħinu lill-komunitajiet Awstraljani milquta min-nirien

Professjonisti jgħinu lil tfal Awstralja jegħlbu t-trawma li għexu bin-nirien li ħakmu djarhom u pajjiżhom

L-aġenzija internazzjonali Save the Children waqqfet żewġ ċentri għat-tfal, wieħed f’Wagga Wagga u l-ieħor f’Bairnsdali biex tgħin lil dawk il-komunitajiet Awstraljani li kienu affettwati min-nirien qerrieda li laqtu partijiet kbar mill-pajjiż.

Dawn iċ-ċentri fi New South Wales u f’Victoria se joffru appoġġ u serħan lil tfal u familji li jgħixu fl-inħawi milquta min-nirien.

“Hekk kif l-Awstraljani fi New South Wales u f’Victoria qed jaffaċċjaw mewġa oħra ta’ temp kiefer, Save the Children qed tgħin billi twaqqaf dawn l-ispazji għat-tfal f’ċentri ta’ evakwazzjoni fejn qed jinġabru l-familji milquta,” qal Paul Ronalds, Kap Eżekuttiv tal-aġenzija li tgħin lit-tfal madwar id-dinja.

“Aħna nafu li t-tfal huma l-aktar nies vulnerabbli fi żminijiet ta’ diżastri u kriżijiet u bħalissa fl-Awstralja hi kriżi kbira bla ebda preċedent. L-effett trawmatiku ta’ dak li raw u għexu dawn it-tfal ma jistax ikunu sottovalutat,” qal Ronald.

Ambjent li jgħin

“Dawn iċ-ċentri għat-tfal se jgħinuhom billi joffrulhom ambjent li fih jistgħu jerġgħu jsiru tfal. Hawnhekk jistgħu jpinġu, jilagħbu, jitħalltu ma’ tfal oħra u dan kollu f’ambjent sigur u li jgħin.”

“L-importanti hu li dawn it-tfal ikunu jistgħu jibdew jipproċessaw l-esperjenzi li għaddew minnhom f’dawn l-aħħar żminijiet. Dan hu ferm importanti biex jirkupraw u jibnu ċerta reżistenza. Dan għandu jgħin ukoll lill-ġenituri biex waqt li wliedhom ikunu miġbura f’dawn iċ-ċentri, huma jkunu jistgħu jagħmlu affarijiet oħra fosthom li jippruvaw jiġbru xi affarijiet li fadlilhom, jaqdu ħtiġijiet amministrattivi u jfittxu appoġġ.”

“Għandna grupp ta’ ħaddiema dedikati b’ħiliet differenti li huma meħtieġa fi żminijiet bħal dawn. Aħna kburin li nistgħu ngħinu lil dawn it-tfal li l-ħajja tagħhom, minħabba dawn in-nirien, inbidlet totalment.”

Dawn iż-żewġ ċentri għat-tfal twaqqfu bl-għajnuna ġeneruża tal-moviment Save the Children fl-Ingilterra, l-Italja u l-Iżvizzera.

Fis-sajf li għadda, Save the Children diġà waqqfet ċentri oħra għat-tfal fi New South Wales u Adelaide wara l-għargħar li kienu laqtu Queensland u n-nirien fit-Tasmania.