Central Link: Se jitneħħa l-aċċess dirett bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħ’Attard

Photo: Archives

Read in English.

Bosta residenti Żebbuġin qegħdin jilmentaw għaliex il-proġett Central Link se jwassal biex l-aċċess dirett bil-karozza minn Ħ’Attard lejn Ħaż-Żebbuġ u viċiversa se jitneħħa.

Dan ikkonfermatu Infrastructure Malta f’email mibgħut lil wieħed mir-residenti.

Fuq Facebook, iż-Żebbuġin qalu li l-fatt biex issa jridu jitilgħu sar-roundabout tal-Imrieħel biex jaslu Ħaż-Żebbuġ minn Ħ’Attard se jtawlilhom it-triq. Apparti minn hekk, ilmentaw fuq it-traffiku li se jinħoloq mar-roundabout tal-Imrieħel.

Il-Kunsillier Steve Zammit Lupi, li huwa wkoll parti minn Bicycle Advocacy Group, qal li dan ifisser li l-aċċess dirett għaċ-ċiklisti se jitneħħa. B’hekk, iċ-ċiklisti se jkollhom jużaw it-toroq ewlenin mingħajr passaġġi konnessi jew siguri bejn iż-żewġ irħula.

Skontu, din l-infrastruttura se tkompli ġġiegħel lin-nies biex ikunu dipendenti fuq il-karozza u se taqtgħalhom qalbhom milli jużaw modi alternattivi tat-trasport bħar-rota. Qal li hu semma din il-kwistjoni kemm-il darba, iżda qatt ma ngħata widen.

Il-Kunsillier spjega li b’dan it-tibdil, is-sewwieqa ġejjin Ħ’Attard minn Ħaż-Żebbuuġ iridu jduru fuq ix-xellug fi Triq Thomas Chetcuti u fuq il-lemin fi Triq Żagħfran, li jfisser li r-rotta twalet b’kilometru. Dawk li jkunu ħerġin minn Ħ’Attard u deħlin f’Ħaż-Żebbuġ iridu jgħaddu fi Triq Nutar Zarb, iduru mar-roundabout u jgħaddu fi Triq Oliver Agius biex jaċċessaw il-bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ. B’hekk ir-rotta titwal bi 3 kilometri.