Central Link: Il-proġett jiġi approvat

Il-proġett tas-Central Link ġie approvat mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar bi 3 voti kontra u 9 favur.

Dan ġie kkonfermat mill-għaqda Moviment Graffitti fuq Facebook li spjegat li l-proġett se jkun qed jeqred 48,000 metru kwadru ta’ art agrikola, joqtol aktar minn 600 siġra, jiżola 1,200 ruħ u jkeċċi 47 bidwi, filwaqt li insistiet li mhu se jkun qed isolvi assolutament xejn.

Aqra: Central Link: “Erġgħu aħsbuha” – NGOs lill-Gvern u lill-PA

Is-Central Link Project huwa proġett li se jtejjeb ir-rotta sħiħa bejn il-bypass tal-Imrieħel fid-direzzjoni lejn Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, u jibqa’ sejjer sar-roundabout tat-telgħa tas-Saqqajja, li tgħaqqad flimkien lil Ta’ Qali, Ħ’Attard, ir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ u l-Mosta.

Aqra: “212-il siġra ġdida fis-Central Link Project” – Ministeru

Intant, l-għaqda sostniet li r-rappreżentant tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-Professur Victor Axiak ivvota favur il-proġett fil-laqgħa tal-lum. L-għaqda tenniet li ma tinsabx sorpriża hekk kif temmen li l-Bord huwa sempliċiment pupazz ta’ poteri ħafna akbar. Sostniet li din is-seduta tat ħafna kuraġġ għaliex ir-residenti, il-bdiewa u l-ambjentalisti attendew bi ħġarhom u għamlu argumenti li ma’ seta’ jmerihom ħadd.

Moviment Graffitti sostniet li l-ġlieda mhux se tieqaf hemm għax bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd hemm ċans li d-deċiżjoni tiġi appellata.

Aqra: Central Link: Jibdew petizzjoni favurih

Matul ix-xhur minn meta ħarġet l-aħbar tal-proġett kienu bosta dawk li ssieltu kontra u anke dawk li ssieltu favur. Numru ta’ NGOs, ewlenin fosthom il-Bicycle Advocacy Group u l-Attard Residents’ Environmental Network, kienu talbu lill-Gvern u lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jerġgħu jaħsbu dwar il-proġett tas-Central Link. Intant il-Malta Automobile Club kien beda petizzjoni favur il-proġett Central Link, għaliex skontu, dal-proġett hu mistenni li jnaqqas in-numru ta’ karozzi li jgħaddu mill-qalba tar-raħal, u għalhekk jonqos it-traffiku.

“Fil-ġimgħat li ġejjin inwettqu l-proġett li ilu 13-il sena fuq l-ixkaffa” – Il-Ministru Ian Borg

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li wara 13-il sena fuq l-ixkaffa, il-proġett tas-Central Link se jkun jista’ jibda jiġi implimentat fi ftit ġimgħat. Il-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid u t-titjib tar-rotta ta’ toroq ewlenin bejn il-bypass tal-Imrieħel u r-roundabout fil-bidu tat-Telħa tas-Saqqajja f’Ta’ Qali.

Fi stqarrija, il-Ministeru spjega li Infrastructure Malta se toħloq 7 kilometri ta’ korsiji ġodda, tibni mill-ġdid 13-il junction biex isiru aktar effiċjenti u siguri, filwaqt li tintroduċi 21,700 metru kwadru ta’ żoni b’siġar u pjanti, u ħafna faċilitajiet ġodda għal mezzi tal-ivjaġġar aktar sostenibbli, fosthom l-itwal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mit-triq li qatt saret f’Malta.